top of page

Riesqa lejn tmiemha l-ewwel fażi ta’ xogħlijiet ta’ restawr fil-Mużew Marittimu

 


L-ewwel fażi ta’ xogħlijiet fil-Mużew Marittimu fil-Birgu qed toqrob lejn tmiemha. Din l-ewwel fażi, li kienet finanzjata mill-EEA and Norway Grants 2014-2021, kienet tikkonsisti f’restawr, tindif, twaqqigħ, rikostruzzjoni u riabilitazzjoni fil-partijiet dilapidati fuq wara tal-mużew.

 

Malli jitlesta l-ewwel fażi s-sena d-dieħla, parti minn dan is-sit, li gawda minn dan l-investiment, se jerġa' jinfetaħ għall-pubbliku.

 

Fit-tieni fażi tal-proġett se jsir modernizzar ġenerali u qed jitfassal masterplan għall-ispazji kollha tal-mużew. Ġie ngaġġat ukoll disinjatur tal-mużewijiet ta’ fama internazzjonali Adrien Gardere, biex jgħin lil Heritage Malta fit-tieni fażi tal-proġett. 

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li “Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjoni u postijiet storiċi fuq bażi regulari. Issa li miexi ġmielu x-xogħol ta’ restawr f’diversi nħawi tal-binja tal-mużew, qed inħarsu diġà biex eventwalment tiġi implimentata t-tieni fażi tal-proġett li tinkludi wkoll ir-restawr ta’ spazji fil-livell terran fejn hemm il-fran kif ukoll il-formazzjoni mill-ġdid tal-foss fuq in-naħa ta’ wara tal-mużew.”

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li dan il-proġett qiegħed isir minn fondi li ngħataw mill-EEA u fondi Norveġizi b'investiment ta' €1,713,200. Dawn il-flus intużaw mhux biss biex isir ix-xogħol ta’ restawr iżda wkoll għat-twaqqif tat-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta u x-xiri ta’ tagħmir modern li ppermetta li ssir id-diġitizzazzjoni tal-wirt marittimu.

 

Fil-fatt f’dawn l-aħħar sentejn diġà ġew diġitizzati eluf ta’ artifatti mill-kollezzjoni tal-Mużew Marittimu. Twaqqfet ukoll Collection Management System (CMS), fejn permezz ta’ software speċjalizzat isir il-katalogar ta’ dawn il-kollezzjonijiet. 


bottom of page