Pitturi, niċċa, orgni u parti minn tribuna se jiġu restawrati permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għall-Arti
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar il-finanzjament ta’ seba’ proġetti ta’ restawr ta’ oġġetti b’tema reliġjuża permezz tal-Iskema għar-Restawr ta’ proprjetà kulturali maħruġa mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-finanzjament totali għas-seba’ proġetti jammonta għal €90,000.
Din l-iskema, li waslet fit-tielet sena tagħha, qiegħda ssir f’kollaborazzjoni mad-Direttorat tar-Restawr u tipprovdi għajnuna finanzjarja għar-restawr u l-konservazzjoni ta’ proprjetà kulturali li tkun ilha teżisti għal tal-anqas 50 sena jew aktar, kemm dik interna u esterna. Dawn iridu jkunu affarijiet ġenerali bħal altari, aperturi, dekor arkitettoniku, induratura u affreski ta’ knejjes li jaqgħu taħt l-ambitu ta’ knisja parrokkjali.
Il-Ministru Bonnici faħħar l-inizjattiva u ddeskrivieha bħala pass importanti biex ikomplu jindirizzaw kull niċċa fl-isfera kulturali. “Huwa importanti li nkomplu nikkonservaw il-fdalijiet tal-imgħoddi tagħna, u permezz ta’ skema bħal din nistgħu nkomplu nippreservaw l-istorja rikka ta’ pajjiżna sabiex din isservi bħala pjattaforma għall-futur. Din l-iskema hija wkoll eżempju perfett tal-ħidma kollha li l-Gvern qed jagħmel sabiex ikompli jsaħħaħ is-settur kulturali u kreattiv fl-oqsma kollha tiegħu,” sostna Dr Bonnici.
Min-naħa tagħha, id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi qalet li “Waħda mill-għanijiet tal-Istrateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti hija infatti li ‘tinvesti fi u tkattar l-espressjoni artistika u kulturali varja’. Mhux talli qed nindirizzaw dan l-għan permezz ta’ din l-iskema, iżda qegħdin ukoll nissalvagwardjaw il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-aċċess għall-wirt storiku.”
Id-Direttur tar-Restawr Norbert Gatt qal li din l-iskema hija metodu ieħor kif id-Direttorat, bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, ikun ta’ għajnuna lis-settur tal-patrimonju Malti. Huwa sostna li din l-iskema flimkien mal-iskema tar-restawr għall-kunsilli lokali, tiżgura firxa mill-iktar wiesgħa ta proġetti ta’ restawr fil-komunitajiet, u tilħaq ukoll manufatti immobbli ta’ tipoloġiji u materjali varji.
Is-seba’ proġetti magħżula huma:
1. Konfraternità tas-Santissimu Sagrament, il-Qrendi - restawr tan-niċċa ta’ Santa Marija
2. Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss, il-Belt Valletta - restawr u konservazzjoni tal-pittura Barokka minn Gio. Nic. Buhagiar u G. D’Arena
3. SKALI, Gudja - restawr tal-pittura titulari tal-artal tat-Trinità
4. Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta - restawr tal-orgni
5. Senglean Organisation of Culture and Ecclesiastical Patrimony - restawr u konservazzjoni tal-Bronż u l-injam li jżejjen it-Tribuna tal-Bażilika tal-Isla
6. Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali - restawr tal-pittura titulari tas-seklu 17 “Madonna tal-Għajnuna Perpetwa” attribwit lil Alessio Erardi
7. Assoċjazzjoni Patrimonju Tarxien - restawr tal-pittura dedikata lill-Madonna tar-Rużarju minn Francesco Zahra – 1770
Comments