• Team Owen Bonnici

Nippromwovu l-importanza tal-benesseri fis-soċjetà fl-iskejjel tagħna


Gem 16+ organizza ġimgħa sħiħa ta’ attivitajiet relatati mal-benesseri, għall-istudenti.

“Din il-ġimgħa kellha l-għan li turi l-importanza tal-benesseri fis-soċjetà tagħna permezz tal-edukazzjoni, b’mod li nżidu aktar kuxjenza dwarha,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici waqt waħda mill-attivitajiet li ttellgħu din il-ġimgħa. “Aħna għandna bżonn nenfasizzaw l-importanza tas-saħħa ħolistika minn età bikrija, u permezz ta’ inizjattivi ta’ din is-sura, mhux biss qegħdin ninvolvu l-istudenti tagħna, imma qegħdin nipprovdu aktar tagħrif u nżidu l-kuxjenza dwar l-importanza tal-benesseri,” żied il-ministru.


Numru ta’ attivitajiet, fil-fatt, ġew organizzati mill-istaff u mill-istudenti fi ħdan GEM16+, kif ukoll taw il-kontribut u l-ħin tagħhom bosta partijiet terzi. Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu ġardinaġġ, meditazzjoni, żfin, kif titratta trawma u kif tistaqsi għall-għajnuna, u dwar kif tista’ tindirizza s-saħħa mentali, fost l-oħrajn.


Din il-ġimgħa dwar il-benesseri għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet ta’ ansjetà u l-benesseri, li tindirizza bosta forom ta’ ansjetà, fosthom relatati mal-karriera, emozzjonijiet u dawk soċjali, u kif titgħallem ħiliet pożittivi u sani, fosthom mindfulness, kif tiekol aktar san, il-benesseri fil-karriera, kif tindirizza l-ansjetà u t-trawma, u kif tagħti l-appoġġ tiegħek lill-oħrajn.

GEM16+ huwa programm ta’ tagħlim edukattiv imniedi mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u hu mmirat għall-istudenti li jixtiequ jerġgħu jippruvaw jiksbu l-kwalifikazzjonijiiet tas-SEC. Dan il-programm jipprovdi lill-applikanti bl-opportunità li jirrevedu sew is-suġġetti prinċipali biex jippreparaw għas-sessjonijiet tal-eżamijiet tas-SEC ta’ April/Mejju.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo