top of page

Music Exchange Camp bla ħlas għal kantanti u kompożituri li għandhom 16-il sena jew aktar


Għall-ewwel darba, Public Broadcasting Services Ltd ser jorganizza Music Exchange Camp bla ħlas għal kantanti u kompożituri Maltin u Ghawdxin mill-età ta’ 16-il sena ’l fuq. L-inizjattiva hija komposta minn żewġ fergħat: il-workshops kollaborattivi tal-mużika fejn producers Maltin jaħdmu flimkien ma’ producers barranin u ma’ kantanti Maltin, kif ukoll serje ta’ lectures minn professjonisti lokali kif ukoll barranin fosthom minn Universal Music.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, "Producers lokali u kittieba tal-kanzunetti Maltin ser ikollhom opportunità biex jiltaqgħu, jitħalltu u jaħdmu ma’ kittieba ta’ fama internazzjonali, biex jaqsmu bejniethom il-kultura tagħna l-Maltin, ideat ġodda u joħolqu networking b’saħħtu bejniethom."


"B’dan il-mod se nkomplu nagħtu iktar opportunitajiet lill-kantanti u lill-kompożituri Maltin u Għawdxin u aktar kuntatti bejn l-artisti u l-kittieba ma’ individwi li jaħdmu fl-istess qasam tal-industrija tal-mużika minn madwar id-dinja," spjega l-Ministru Bonnici.


Fl-aħħar tal-ġimgħa ta’ dan il-music exchange camp, huwa mistenni li grupp ta’ mużiċisti u kantanti jkunu ħolqu madwar 18-il demo ta’ kanzunetti permezz ta’ din il-ħidma. L-artisti se jkollhom l-għażla dwar jekk jissottomettux il-kanzunetta fil-MESC 2024 jew le. L-applikazzjonijiet tal-MESC 2024 se jinfetħu dalwaqt u se jkunu miftuħin għal kulħadd. Madanakollu, mhux obbligatorju li individwu li jkun ipparteċipa f’dan il-music camp biex ikun jista’ japplika għall-MESC.


Barra minn hekk, il-pubbliku ġenerali, inklużi kantanti u producers tal-mużika, se jkollhom l-opportunità li jingħaqdu f’diversi diskussjonijiet li se jsiru matul dan il-music exchange camp, minn professjonisti internazzjonali tal-mużika. L-għan ta' dawn it-taħditiet huwa li l-Maltin interessati f'dan il-qasam jiksbu aktar għarfien dwar l-aħjar prattiċi ta' kif jistgħu jesibixxu t-talenti tagħhom lill-komunità internazzjonali kif ukoll ikun hemm opportunità ta' networking ma' professjonisti barranin. Il-lezzjonijiet se jkunu miftuħin għall-pubbliku ġenerali li huma interessati fl-industrija tal-kitba tal-mużika jew kantanti.







bottom of page