top of page

Miexi ġmielu x-xogħol fuq skema pittorika ġdida fl-intir tal-Knisja ta’ Ħal Kirkop



 

Il-proġett qed jiġi ffinanzjat mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Fondazzjoni tal-Ajruport ta’ Malta

 

Għaddej b’ritmu tajjeb il-proġett artistiku li se jara l-kappelluni u l-kwadranti tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Kirkop jingħataw skema pittorika ġdida. Dan il-proġett qed isir b’finanzjament mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Fondazzjoni tal-Ajruport ta’ Malta.

 

Dan il-proġett artistiku qed isir mill-artist stabbilit Anthony Spagnol, fejn se jkun qed jintegra elementi kontemporanji filwaqt li jirrispetta l-wirt artistiku eżistenti.

 

Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fejn seta’ jara x-xogħol li għaddej fuq dan il-proġett, sostna kif din l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb il-valur kulturali, artistiku u soċjali tar-raħal ta’ Ħal Kirkop.

 

“Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Gvern favur il-preservazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-wirt artistiku u l-identità tagħna bħala pajjiż. Kull investiment fil-wirt patrimonjali tagħna hu investiment favur li dan il-wirt jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri,” saħaq il-Ministru Bonnici. 

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross qal li dan il-proġett jagħmel ġustizzja ma’ dawk li ġew qabilna u ħallewlna dan il-patrimonju li permezz tiegħu esprimew il-fidi tagħhom u għaddewha minn ġenerazzjoni għall-oħra. 

 

“Grazzi għal din il-kollaborazzjoni qed jiġi implimentat dan il-proġett. Irridu nkomplu nħarsu dan il-patrimonju għal ta’ warajna, kif ukoll għat-turisti li jżuruna. Nirringrazzja lid-diversi esperti li ħadmu b’mod professjonali, lill-Kunsill Malti għall-Art u l-Fondazzjoni tal-Ajruport ta’ Malta għall-finanzjament, u lil kulmin ta’ sehmu inkluż il-kappillan Dun Martin Cardona,” stqarr is-Sur Pace Ross.

 

Kenneth Cassar, storiku tal-arti u li qed jassisti lill-Knisja ta' Ħal-Kirkop f'dan il-proġett qal, “Dan il-proġett sab bilanċ bejn l-iskema pittorika eżistenti, jiġifieri dik ta' Giuseppe Briffa, flimkien ma' dak li qiegħed jipproponi l-artist Anthony Spagnol, sabiex finalment ikun hemm skema olistika li tirrifletti ż-żminijiet kemm min-naħa artistika u anke min-naħa tal-liturġija.”

 



 




 

bottom of page