top of page
Open Site Navigation

Miexi b’ritmu tajjeb ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni tal-galleriji tal-MICAS

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ħamis 12 ta’ Jannar 2023 ) paġna numru 6.




Miexi b’ritmu tajjeb ix-xogħol fis-sit tal-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) fil-Furjana. Il-fażi preżenti tax-xogħol infrastrutturali li għaddej fuq il-binja tal-galleriji huwa mifrux fuq medda ta’ 4,000 metru kwadru fuq erba’ livelli, u jżewweġ il-binja eżistenti storika tar-Ritirata mal-istruttura tal-ħadid moderna.


B’investiment ta’ 13-il miljun Ewro, ko-finanzjat mill-fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), dawn il-galleriji se joffru spazji moderni għall-eżebizzjonijiet u installazjonijiet t’artisti kontemporanji lokali u barranin, għal workshops u attivitajiet oħra li jressqu lill-pubbliku iżjed viċin l-arti kontemporanja.


Fi żjara li għamel fuq il-post, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnic sostna li l-arti kontemporanja għandha tkun aċċessibli għal kull individwu. Hu rrimarka li dan il-proġett se jpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-artisti. Minbarra hekk din il-binja se tkun qiegħda toffri spazju għal pubbliku, spazju li qabel ma’ kellu użu ta’ xejn.


Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li t-tielet fażi tal-proġett tal-MICAS qed isir b’investiment ta’ kwazi €13 miljun, li minnha €7.6 miljun huma fondi ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.


Dr Bonett qal li b’dan l-investiment se jkollna l-ewwel spazju nazzjonali ta’ Malta ddedikat esklussivament għall-arti kontemporanja u se jservi mhux biss bħala pjattaforma għall-wiri ta’ arti kontemporanja u kultura viżiva ta’ klassi dinjija permezz ta’ wirjiet u installazzjonijiet tal-iżda se tkun qed tospita firxa ta’ attivitajiet kulturali u avvenimenti edukattivi.



0 views
bottom of page