top of page

Masters ġdid fl-edukazzjoni STEM

Quote: Inħarrġu iktar lil min iħarreġ dwar ix-xjenzi





Li l-edukazzjoni hi l-bażi tal-qasam tax-xjenzi hi xi ħaġa magħrufa. Li l-edukazzjoni tintuża bħala għodda biex anke n-nies li jgħallmu dwar ix-xjenzi jkomplu jitgħallmu huma hi xi ħaġa ġdida u innovattiva.


Id-deċiżjoni li ttieħdet f’Novembru li għadda u li ġiet konfermata f’Lulju li għadda sabiex ikollna Ministru inkarigat minn dan is-settur li qed ilesti l-bażi tal-futur hi waħda li tiswa mitqlu deheb u l-Ministru Owen Bonnici qed jeċċella bla dubju ta’ xejn anke f’dan il-qasam.


Qed naraw sensiela ta’ inizzjattivi, waħda wara l-oħra, li poġġew ir-riċerka u l-innovazzjoni ‘l fuq fl-aġenda nazzjonali iktar minn qatt qabel.


Xi ħaġa ġdida li ma konniex rajna qabel hija l-ħolqien ta’ Masters fl-ISTEM Education and Engagement li għandu l-għan li jkompli jħarreġ in-nies li jħarrġu n-nies fil-kamp tax-xjenza, teknoloġija, inġinerija u l-matematika.


Dan il-Masters se jibda f’Ottubru li ġej għall-ewwel darba u ġej frott kollaborazzjoni b’saħħitha bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Istitut għall-Edukazzjoni (IfE).



Kollaborazzjoni b’saħħitha


Tkellimna mal-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Dr Owen Bonnici dwar dan l-iżvilupp tant pożittiv.


“Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Institute for Education (IfE) ingħaqdu flimkien biex iniedu kors ġdid fil-livell ta’ Masters fl-iSTEM Education and Engagement, biex iwieġbu għad-domanda dejjem tikber għal nies li kapaċi jikkomunikaw u jaħdmu fil-qasam tax-xjenza, t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika,” qal il-Ministru Bonnici.


Huwa spjega li f’Ottubru tal-2021, numru ta’ kandidati se jibdew il-kors MSc in STEM Education and Engagement. “Dan il-kors fil-livell ta’ Masters (MQF Level 7), b’90 ECT se jkun offrut din is-sena għal-ewwel darba f’Malta. Il-kors se jkun f’idejn l-Institute for Education u xi partijiet minnu se jsiru fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenzi, l-Esplora fil-Kalkara. Il-kors se jdum tliet snin u se jkun fuq bażi part-time,” qal il-Ministru Bonnici.

Dr Bonnici qal li dan il-programm ta’ Masters li se joffri taħlita ta’ tagħlim onlajn flimkien ma’ workshops fi tmiem il-ġimgħa. “Dan għandu jagħti lill-kandidati eliġibbli għodda u strateġiji għall-użu fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika,” sostna Dr Bonnici.


Huwa faħħar il-kollaborazzjoni mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u qal li dan huwa prova ta’ l-impenn li hemm min-naħa tal-Gvern biex insaħħu l-edukazzjoni STEM b’mod nazzjonali.



Progress minn akkademiċi Maltin


Il-Ministru Bonnici qal li waħda mill-isbaħ affarijiet li toħroġ minn dan il-proġett hi l-avvanz akkademiku tan-nies li jaħdmu direttament bil-kamp tas-suġġetti STEM u t-trasmissjoni tagħhom fost il-pubbliku.

“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li naraw lill-akkademiċi Maltin jimxu ‘l quddiem f’dawn l-oqsma edukattivi tant importanti għar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna, u propju għalhekk irridu nkomplu ninkoraġġixxu lil dawn l-akkademiċi, anke’ permezz ta’ investimenti bħal dan li qed nimmarkaw illum, li jġibu dejjem aktar opportunitajiet ta’ tagħlim,” sostna Dr Bonnici.


Il-Ministru Bonnici kompla jispjega kemm hu importanti li l-oqsma tar-riċerka u l-edukazzjoni jimxu id f’id flimkien biex jipprovdu soluzzjonijiet ġodda li minnhom jista’ jibbenefika kulħadd.

Qal li hu d-dmir tal-Gvern kollu li jara li l-akkademiċi Maltin ikomplu mexjin ‘il quddiem u b’hekk ikunu ta’ eżempju għal nies oħrajn li jieħdu din il-linja. “Huwa dmir tagħna li nferrxu u nqajjmu l-interess f'dan il-qasam u niftakru li kulħadd jgħix ix-xjenza u juża t-teknoloġija, u allura kulħadd jista' jimraħ fiha,” spjega Dr Bonnici.


L-edukazzjoni bħala l-bażi ta’ innovazzjoni b’saħħitha


Staqsejna lill-Ministru Bonnici kemm hu importanti s-settur edukattiv biex ikollna qasam ta’ riċerka u innovazzjoni b’saħħtu.


“F’dan is-settur l-edukazzjoni hi kruċjali għaliex ma jistax ikollok riċerkaturi u xjenzati b’saħħithom jekk ma jkollokx sistema edukattiva li toffrilhom l-aqwa servizzi biex jaslu sa livell li jħabbtuha ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni internazzjonali,” qal il-Ministru Bonnici.


Huwa qal li jkun żball jekk bħala pajjiż niffokaw fuq min iġib il-Masters u l-Ph.D u ninsew l-edukazzjoni li ssir fl-ewwel snin, fiċ-ċkunija sakemm it-tfal jikbru u jkomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Dr Bonnici spjega li rridu nesponu lil uliedna u ulied uliedna għax-xjenzi sa minn eta’ żgħira għax huwa b’hekk li jistgħu jsaħħu l-kurzita’ u l-ġibda tagħhom lejn dawn is-suġġetti.


Dr Bonnici spjega li waħda mill-isbaħ esperjenzi fil-politika kienet meta ftit tax-xhur ilu, bħala Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, kien feraħ lil numru ta’ studenti tas-sekondarja li kienu ikkompetew fuq skala Ewropea f’kompetizzjonijiet marbuta max-xjenzi. L-istudenti Maltin kienu marru tajjeb ħafna, u uħud minnhom kienu anke rebħu dawn il-konkorsi.


Il-futur huwa sabiħ


Il-Ministru Bonnici saħaq li l-futur f’dan is-settur, bla dubju ta’ xejn, se jkun wieħed sabiħ għax kull ma jmur iktar u iktar persuni qed jiddedikaw ħajjithom f’karrieri marbuta ma’ dawn is-setturi waqt li qed jikbru opportunitajiet bħal dan il-Masters li qed isir għall-ewwel tajba.




bottom of page