top of page

MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Aktar minn €60 miljun għas-settur kulturali



F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta, Ċertezza u Stabbiltà”, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-gvern se jinvesti aktar minn sittin miljun ewro biex jissaħħaħ is-settur artistiku u kulturali ta’ pajjiżna, b’enfasi fuq iktar proġetti fejn il-familji jkunu jistgħu jgawdu spazji ġodda marbuta mal-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Fil-Valletta Design Cluster, binja riġenerata għall-familji, il-Ministru Bonnici saħaq li se jiġu riabilitati aktar binjiet storiċi. “Huwa meħtieġ li nibqgħu ntejbu s-sostenibbiltà tal-wirt storiku ta’ pajjiżna waqt li nagħmluh iktar aċċessibbli għall-pubbliku”, saħaq il-Ministru Bonnici filwaqt li tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ aktar spazji ta’ rikreazzjoni għall-familji.

Fost oħrajn, is-sena d-dieħla mistennija jitlestew il-galleriji u l-isculpture garden tal-ispazju għall-arti kontemporanja ta’ Malta fiż-żona tas-swar ta’ San Salvatur fil-Floriana biex b’hekk il-poplu se jkollu erba’ tomniet ta’ art fi spazji miftuħa għalih. Dan apparti ħamsa u għoxrin proġett ieħor ta’ restawr pjanati fil-pajjiż għall-2023, b’nefqa kapitali ta’ €3.35 miljun. Dan l-investiment fil-wirt storiku permezz ta’ restawr jinkludi xogħol fuq il-linji tal-Kottonera, l-aħħar fażi ta’ restawr fuq il-Victoria Lines, restawr fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt, xogħol fuq il-faċċata tal-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt, u restawr tal-Kappella tal-Lunzjata fil-limiti tas-Siġġiewi. Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għar-restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru u fuq Villa Guardamangia, li fuq tal-aħħar ħarġu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici nieda mill-ġdid il-Culture Pass fejn permezz ta’ dan il-programm l-istudenti tagħna qed jiġu offruti esperjenza kulturali u artistika filwaqt li l-professjonisti qegħdin ikunu inċentivati sabiex joħolqu u jiżviluppaw xogħlijiet għal udjenza żagħżugħa kif ukoll jiżdiedu l-programmi kulturali fil-kurrikulum tal-istudenti. Ta’ min jinnota li tul l-aħħar ħames snin ittellgħu 171 produzzjoni li ġew murija lil madwar 156,000 student.

Dwar ix-xandir nazzjonali, il-Ministru Owen Bonnici sellem lill-ħaddiema kollha tal-Public Broadcasting Services fl-okkażjoni tal-għeluq is-sittin sena ta’ xandir fuq it-televizjoni, u faħħar il-ħidma li hemm għaddejja biex jiġi modernizzat il-modus operandi tal-istazzjon.

Il-Ministru Bonnici sostna li matul is-sena d-dieħla se jissaħħu l-pjattaformi tas-settur kulturali u kreattiv. “Aħna għandna l-missjoni li nkomplu nesponu l-industriji kreattivi u kulturali lokali fuq il-pjattaforma internazzjonali. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, Malta se tieħu sehem fil-London Design Biennale biex isservi ta’ vetrina għas-settur u l-qasam artistiku u kreattiv ta’ pajjiżna, filwaqt li il-ħidma għall-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja għall-edizzjoni li jmiss tal-2024 se tibqa’ għaddejja”, qal il-Ministru Bonnici. Huwa saħaq li bl-istess mod il-gvern se jkompli jirrikonoxxi s-sehem tal-volontarjat fis-soċjetajiet mużikali u l-għaqdiet marbuta mal-festi fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin u se jibqa’ jkun hemm għalihom.

Huwa tkellem ukoll dwar l-investiment kulturali fil-Belt Valletta u spjega li dan se jkompli permezz ta’ allokazzjoni ta’ €3.6 miljun b’avvenimenti bħal opri, festivals ambjentali u gastronomiċi, installazzjonijiet artistiċi, u attivitajiet oħra li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. B’allokazzjoni ta’ €5 miljun, ser tissokta l-produzzjoni ta’ kalendarju ta’ festivals fil-ġeneri differenti biex tiġi vvalorizzata l-kwalità filwaqt li jitħalla legat b’saħħtu permezz ta’ ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-artisti u l-kreattivi tagħna. Il-Ministru Bonnici saħaq li meta wieħed ikun qed jieħu ħsieb l-arti u l-kultura, ikun qed jieħu ħsieb ir-ruħ ta’ pajjiż sħiħ.

“Aħna gvern li ma waqafniex naħdmu fl-interess tal-arti, tal-kultura, u tal-protezzjoni tal-wirt nazzjonali tagħna. Konvint li b’din il-ħidma li qed nagħmlu se nkomplu nsaħħu dan is-settur u nagħtu iktar opportunitajiet lill-artisti”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.




bottom of page