top of page

Lejn aktar riformi favur il-vuċi taż-żgħażagħ fil-Gvern Lokali



Tittella’ Konferenza taż-Żgħażagħ fil-Parlament b’rabta mat-30 Anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali



Dalgħodu fil-Parlament ittellgħet konferenza taż-żgħażagħ immexxija mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. Din il-konferenza kienet organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, flimkien mal-Parlament u l-Kumitat Organizzattiv għat-30 Anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex. L-għan ewlieni ta’ din il-konferenza kien li ż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità għall-parteċipazzjoni attiva fil-programm kommemorattiv tat-30 Anniversarju. Dan sar billi ngħataw iċ-ċans li jagħmlu diskors fejn setgħu jwasslu l-opinjonijiet u l-ħsibijiet individwali tagħhom fuq żewġ temi prinċipali, dawn kienu jinkludu ‘L-importanza ta’ preżenza żagħżugħa fil-Kunsilli Lokali’ u ‘Kif tara l-futur tal-Gvern Lokali’.


Fid-diskors tiegħu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Kunsilli Lokali saru l-pedament tal-impenn u l-governanza tal-komunità, u jassiguraw li l-poplu jkollu vuċi u sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet. “L-għoti ta’ servizzi effettivi u effiċjenti lir-residenti tagħna jibqa’ għan importanti, filwaqt li nkomplu niżguraw li l-vuċijiet tagħhom jinstemgħu u l-ħtiġijiet tagħhom jintlaħqu. Kommessi li nindirizzaw l-isfidi li għad fadal u nkomplu nibnu Malta aktar b’saħħitha, aktar vibranti u inklussiva għar-residenti kollha tagħha,” qal il-Ministru Bonnici.


Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li ż-żgħażagħ huma l-pijunieri għal progress soċjali u li l-influwenza tagħhom tista’ tikkontribwixxi għal spinta bżonjuża u ħolistika fil-qasam tal-Gvern Lokali. “Dan il-Gvern minn dejjem kellu fiduċja assoluta fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, u wara li daħħalna l-Vot-16, dan il-Gvern ser jara li dawk iż-żgħażagħ bejn is-16 u s-17-il sena jkunu jistgħu jassumu l-irwol ta’ Sindku,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija spjegat li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda jinqara it-tieni qari fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi għall-emendi tal-Att dwar il-Gvern Lokali li jippermetti żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li jikkontestaw u jiġu eletti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u li jiksbu l-ammont rikjest ta’ voti, jassumu l-irwol ta’ Sindku jew Viċi-Sindku.


Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti stqarr l-importanza tal-Kunsilli Lokali fi ħdan il-komunità u kemm ix-xogħol tagħhom huwa apprezzat. “Il-Kunsilli Lokali huma l-estensjoni tax-xogħol li jwettaq il-Gvern. Li kieku ma kienx għall-ħidma sfieqa tal-Kunsilli, ma nkunux nistgħu nilħqu lir-residenti b’mod effiċjenti u effettiv. Jien, bħala eks-Sindku tar-raħal Tal-Pietà naf kemm ir-residenti jqisu importanti l-Kunsilli Lokali, u kemm hija pjattaforma meħtieġa mhux biss għar-residenti, iżda wkoll għal min għandu l-ambizzjoni li jibqa’ jimxi ’l quddiem fil-politika,” qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.


Id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard qal li huwa ta’ sodisfazzjon li bħala parti mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati biex jiġi ċċelebrat it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Gvern Lokali f’Malta, ingħata spazju liż-żgħażagħ li jirrappreżentaw lil-lokalitajiet tagħhom u jwasslu l-veduti tagħhom fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.


Iż-żgħażagħ li pparteċipaw f’din il-konferenza kellhom bejn is-16 u l-25 sena u ġew nominati fis-seduti tal-Kunsilli Lokali. Uħud miż-żgħażagħ preżenti kienu akkumpanjati mis-Sindki tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom.


Ritratti: MHAL, MEYR_PS











bottom of page