top of page

Lejla ta’ rikonoxximent għall-imsieħba tal-gvern lokali



F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta ttellgħet lejla ta’ rikonoxximent għall-imsieħba tal-gvern lokali, fl-okkażjoni tat-30 sena mit-twaqqif tal-istess gvernijiet lokali f’pajjiżna.

Permezz ta’ għaxar rikonoxximenti differenti, tliet kunsilli lokali u 42 persuna ġew rikonoxxuti għall-impenn u l-ħidma tagħhom fil-qasam tal-kunsilli lokali. Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni kienu wkoll ppreżentati b’rikonoxximent għall-kontribuzzjoni tagħhom fil-gvern lokali matul dawn it-30 sena.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fid-diskors tiegħu irringrazzja lin-nies kollha li f’dawn it-tliet ġenerazzjonijiet taw kontribut lil dan is-settur. Huwa qal li “dan hu vjaġġ tassew mill-isbaħ li jifrex fuq tliet deċennji ta’ kollaborazzjoni, dedikazzjoni, u l-insegwiment bla heda ta’ viżjoni li tara li d-deċiżjonijiet jittieħdu qrib kemm jista’ jkun il-familji. Il-Kunsilli Lokali tagħna kienu pedament ta’ bidla pożittiva, fejn ġie żgurat li l-vuċi tar-resident tinstema’ iktar u l-interess tal-lokali jingħata vuċi b’saħħitha.”

Il-Ministru Bonnici saħaq li f’dan is-settur l-isfidi ma jonqsux u huwa kruċjali li l-gvernijiet lokali jibqgħu jaħdmu għall-fiduċja tan-nies kuljum. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonnici qal li l-gvern hu kommess li jara li flimkien jingħelbu l-isfidi biex il-futur ta’ dan is-settur jkun kkaratterizzat minn kisbiet saħansitra akbar, konnessjonijiet aktar profondi, u komunitajiet li jkomplu jikbru u jiffjorixxu.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli min-naħa tagħha tat ħarsa lejn il-ħidma tal-gvern fil-qasam tal-kunsilli lokali. Hija semmiet numru ta’ inizjattivi u miżuri mill-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali li bdew jiġu implimentati, fosthom taħriġ fuq il-governanza lokali, infrastruttura teknoloġika ġdida u proġetti għal ambjent nadif fil-komunitajiet, fost oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli rringrazzjat lill-persuni kollha li tul dawn l-aħħar 30 sena taw il-kontribut tagħhom fil-qasam tal-Gvern Lokali, filwaqt li esprimiet il-gratitudni tagħha għad-dedikazzjoni bla waqfien tal-imsieħba fil-qasam favur il-lokalitajiet u r-residenti Maltin u Għawdxin.

“B’enerġija u entużjażmu, nistedinkom sabiex inħarsu ‘l quddiem u b’għaqal u sforz kollettiv inkomplu niksbu dak li fassalna flimkien,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

It-titli tar-rikonoxximenti li ġew ippreżentati huma “Rikonoxximent għal servizz fit-tul fil-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv”, “Rikonoxximent lill-ANSEK għall-impenn fil-Gvern Lokali”, “Rikonoxximent lill-AKL għall-impenn fil-Gvern Lokali”, “Rikonoxximent lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali”, “L-iżgħar Kunsillier elett fil-Gvern Lokali2, “L-iżgħar Sindku elett fil-Gvern Lokali”, “Rikonoxximent għal servizz fit-tul fil-kariga ta’ Kunsillier”, “Rikonoxximent għall-kisba tal-ELOGE”, “Rikonoxximent għal servizz fit-tul fil-Gvern Lokali” u “Rikonoxximent għal servizz fit-tul fil-kariga ta’ Sindku”.

Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv għat-30 Anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali Aaron Zahra qal li matul din is-sena l-kumitat organizza diversi attivitajiet, li jinkludu diversi konferenzi, seminars u inizjattivi li ser iħallu l-frott mixtieq.

Waqt is-serata saru wkoll prestazzjonijiet artistiċi minn artisti lokali. Dawn il-prestazzjonijiet kienu jirriflettu l-kultura Maltija u l-karatteristiċi tal-ibliet u l-irħula li jsawruha.

Din is-serata ser tixxandar fuq l-istazzjon TVMNews+, nhar is-Sibt 18 ta’ Novembru fid-9 ta’ filgħaxija.









bottom of page