top of page

Laqgħa mal-Ministru għall-Kultura u ż-Żgħażagħ tal-Emirati Għarab Magħquda



Il-Ministru Owen Bonnici f’laqgħa mal-Ministru għall-Kultura u ż-Żgħażagħ tal-Emirati Għarab Magħquda x-Sheikh Salem Bin Khalid Al Qassimi




F’Abu Dhabi, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici kellhu laqgħa mal-Ministru għall-Kultura u ż-Żgħażagħ tal-Emirati Għarab Magħquda Sheikh Salem Bin Khalid Al Qassimi, bil-għan li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi fl-isfera kulturali.


Matul il-laqgħa, iż-żewġ Ministri enfasizzaw is-sħubija b’saħħitha bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda fl-oqsma kulturali kif ukoll artistiċi, u qablu li għandha tissaħħaħ il-ħidma għal iktar koperazzjoni kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi. Huma saħqu li din is-sħubija għandha tissokta f’oqsma bħal skambju ta’ prattiċi u ħiliet u kollaborazzjonijiet ġodda biex tkompli tinbena ekosistema kulturali effettiva.


Barra minn hekk, waqt din il-laqgħa ġie diskuss il-wirt kulturali, inkluż ir-rwol tal-UNESCO fil-protezzjoni tal-wirt kulturali fid-dawl ta’ sfidi bħalma huma t-tibdil fil-Klima, kif ukoll l-iżvilupp ta’ wirjiet internazzjonali u opportunitajiet ta’ skambju ta’ studenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-patrimonju, fejn irrikonoxxew ir-rwol li dawn għandhom fit-tisħiħ tal-koperazzjoni kulturali fuq skala globali.


Barra minn hekk, huma għamlu wkoll referenza għal diversi kollaborazzjonijiet li hemm preżenti u dawk potenzjali bejn l-entitajiet kulturali taż-żewġ Nazzjonijiet, li jinkludu wirjiet internazzjonali, self ta' artefatti imprezzabbli, u l-iskambju ta’ prattiċi interdixxiplinari fi proġetti ta' restawr u arkeoloġiċi.


Fit-tmiem tal-laqgħa l-Ministru Al Qassami akkumpanja lill-Ministru Bonnici fi żjara fil-mużew tal-artiġġjanat ta’ Abu Dhabi.









bottom of page