top of page

L-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli tilqa’ stazzjon għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili


F’mument fejn Malta qed tiġġieled kontra t-tixrid tal-virus COVID-19, ministeri differenti qed jikkollaboraw flimkien f’inizjattivi maħsuba biex jonqos it-tixrid tal-virus u l-pajjiż ikun imħejji aħjar. Fost din il-kollaborazzjoni hemm dik bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.

Waqt żjara fi stazzjon temporanju tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli, li tagħmel parti mill-Kulleġġ ta’ San Nikola, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tkellmu mal-ħaddiema li bħalissa qed jaqdu dmirijiethom minn fuq il-post. Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “wara kollaborazzjoni mal-ħaddiema tal-Kulleġġ ta’ San Nikola, parti mill-binja tal-iskola sekondarja f’Ħad-Dingli nbidlet fi spazju temporanju għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Nixtieq sinċerament nirringrazzja lil kull min kien involut biex dan sar possibbli kif ukoll lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili li qed jagħmlu xogħol impressjonanti ħafna fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom bħala pajjiż.”

Il-Ministru Byron Camilleri fisser li din hi miżura waħda minn diversi li qed jieħdu l-forzi tal-ordni biex anke f’dawn iċ-ċirkostanzi jibqgħu mħejjija għal dak li jista’ jinqala.  “In-nies ikunu qed jaraw is-servizz li jingħata. Iżda bħalissa huma bosta l-arranġamenti li qed isiru biex dak is-servizz jingħata b’mod normali, filwaqt li nilqgħu għat-talbiet li jitolbu ċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa. Dan hu wkoll possibbli għall-ispirtu ta’ teamwork bejn entitajiet differenti. Dan hu eżempju wieħed fejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru tal-Intern qed jaħdmu flimkien biex nagħmlu l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi li għandna,” spjega l-Ministru Camilleri.

Bħala parti mill-pjan ta’ kontinġenza, il-Protezzjoni Ċivili fetħet diversi stazzjonijiet temporanji madwar Malta u Għawdex, fosthom fl-iskola sekondarja f’Ħad-Dingli. Dan qed isir biex fl-istess post jiltaqgħu inqas ħaddiema, bil-għan li jekk tintlaqat xi sezzjoni ta’ ħaddiema, din ma tkunx waħda kbira.



bottom of page