top of page

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta timmarka l-ħames sena mit-twaqqif tagħha



 

F’għeluq il-ħames snin mit-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sellem il-ħidma li twettqet bħala parti mill-legat kulturali tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u saħaq li bis-saħħa tal-kultura rajna u qed inkomplu naraw riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika tal-Belt Valletta.

 

Sa mit-twaqqif tagħha ħames snin ilu, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta rebħet diversi unuri prestiġjużi kemm għall-programmi tagħha kif ukoll għall-Valletta Design Cluster, binja ta’ żmien il-Kavallieri magħrufa bħala l-Biċċerija l-Antika, li rebħet il-Malta Architecture and Spatial Planning Awards u l-Premio Concorso City Brand and Tourism Landscape Award minn Paysage Topscape, kif ukoll diversi unuri oħra.

 

Fost l-attivitajiet li ttella’ l-Aġenzija hemm il-Valletta Green Festival, il-Valletta Pageant of the Seas, Opera in the Capital, il-Valletta Local Food Festival, il-programm Christmas in the Capital u l-Avveniment Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena.

 

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef semma kif l-Aġenzija għandha rwol kruċjali fir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta. Huwa sostna li permezz tal-avvenimenti li ttella’ l-Aġenzija qed tkompli tagħti l-ħajja lill-belt kapitali ta’ pajjiżna.

 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħatat ħarsa wkoll lejn l-attivitajiet li jmiss bħala parti mill-programm kulturali tal-Aġenzija.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Catherine Tabone, spjegat kif il-programm kulturali tal-Aġenzija jvarja minn esibizzjonijiet ta’ arti viżiva, kunċerti ta’ daqs kbir u medju u avvenimenti għall-familja, kif ukoll programmi mmirati għal udjenza żgħira u workshops. “Dan kollu jibni fuq diversi kollaborazzjonijiet kulturali kemm internazzjonali kif ukoll lokali li l-Aġenzija kkultivat matul is-snin,” spjegat is-Sa Tabone.

 

Fl-okkażjoni tal-maltabiennale.art 2024, l-Aġenzija se tfakkar lil Ray Mahoney, ġgant fil-mużika u l-poeżija Maltija, permezz ta’ kunċert li se jittella’ fit-28 ta’ April.

 

Din is-sena taħbat ukoll l-10 edizzjoni tal-Valletta Green Festival li matulu Pjazza San Ġorġ se tinbidel fi ġnien mill-isbaħ bejn it-3 u t-12 ta’ Mejju.

 

Fit-22 ta’ Ġunju jirritorna għall-ħames darba l-Valletta Pageant of the Seas, avveniment li jittella’ kull sentejn fil-Port il-Kbir. Għal dan l-avveniment bla ħlas jattendu eluf ta’ nies sabiex ikunu jistgħu jsegwu mill-qrib dan l-ispettaklu li jinvolvi attivitajiet fuq il-baħar u logħob tan-nar tal-ogħla livell.

 

Fit-30 ta’ Awwissu, fi Pjazza San Ġorġ, se jerġa’ jittella’ Opera in the Capital bis-sehem ta’ tenuri u kantanti Maltin ta’ fama internazzjonali.

 

Bejn is-17 u d-19 ta’ Ottubru se jkun qed jirritorna għat-tielet darba konsekuttiva l-Valletta Local Food Festival – avveniment li jiġbor flimkien kokijiet u artiġjani lokali li joffru lill-pubbliku festa kulinari Maltija, b’tisjir u għarfien siewi dwar it-tħejjija ta' platti rinomati bħall-kwareżimal, il-Vallettani, il-Biskuttini tar-Raħal, soppa tal-armla u platti oħra, kollha maħdumin b'ingredjenti friski ta' oriġini lokali.

 

F’Diċembru, ma jonqosx il-programm ta’ attivitajiet tal-Milied kif ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet popolari li se jerġgħu jittellgħu għal darb’oħra bla ħlas Lejlet l-Ewwel tas-Sena fi Pjazza San Ġorġ.

 

Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Programm Kulturali tagħha żur vca.gov.mt/mt/events u l-paġna ta' Facebook tal-Aġenzija.

 

 


 

 

 

 

留言


bottom of page