• Team Owen Bonnici

Kumpanija Maltija tipproduċi prodotti ġodda wara finanzjament pubbliku



Kumpanija Maltija speċjalizzata fir-riċerka u l-innovazzjoni tipproduċi prodotti ġodda wara finanzjament pubbliku


Kumpanija Maltija, li hija parti mill-grupp ta’ kumpaniji tal-Abertax, ħolqot prodotti ġodda li jinsabu fis-suq wara riċerka u finanzjament pubbliku mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Il-kumpanija Altern ħolqot software innovattiv li nbena lokalment li jagħti l-possibbiltà lil kulħadd biex jiddisinja l-lampi tad-dawl li jrid hu jew hi bis-saħħa tal-proġett Shapelamp u s-sit www.shapelamp.com. Dan hu proġett ġdid fejn persuna tista’ toħloq l-istil tal-lampa li tixtieq billi sempliċiment tbiddel u tirranġa kif tixtieq, id-daqs u l-istil, b’idha stess. Id-disinn imbagħad jiġi konvertit fil-prodott mill-istess kumpanija li jinxtara mill-klijent.

Proġett ieħor huwa dak bl-isem ta’ Innovled li ra l-iżvilupp ta’ dwal LED manifatturati lokalment, iddisinjati speċifikament għas-settur tal-isport. Kemm il-proġett Shapelamp u kemm il-proġett Innovled ingħataw finanzjament mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u ż-żewġ proġetti ġew ikkummerċjalizzati.

Fi żjara li għamel il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-Covid-19 Owen Bonnici fl-uffiċini tal-Grupp Abertax ġewwa l-Mosta Techno Park huwa ra fid-dettall il-ħidma ta’ ricerka u innovazzjoni ta’ dan il-grupp ta’ kumpaniji li jispeċjalizza primarjament fl-aċċessorji tal-batteriji u soluzzjonijiet teknoloġiċi oħra. Waqt li b’kollox l-Abertax bħalissa timpjega madwar 180 persuna, f’Kordin, fil-Mosta u anke barra mill-pajjiż, id-dipartiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp hu magħmul minn 40 professjonist li joħolqu numru ta’ innovazzjonijiet b’mod regolari li mbagħad jiġu kkummerċjalizzati kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Il-Ministru Bonnici, li kien akkumpanjat miċ-Chairperson tal-Grupp il-Professur Joe Cilia, l-Inġinier George Schembri, u l-Kap Eżekuttiv Inġ. Malcolm Tabone, seta’ jara ix-xogħol li jinsab għaddej b’riċerka li tinsab fi stadji varji u f’ċerti każijiet diġà nħolqu prototipi qabel ma mbagħad il-prodott jitpoġġa fis-suq. F’ċerti proġetti ssir ukoll kollaborazzjoni mal-Università ta' Malta.

Il-Ministru Bonnici sostna li l-grupp ta’ kumpaniji tal-Abertax huwa mudell ta’ kif il-gvern jixtieq jara l-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni jimxi ‘l quddiem. “F'dan il-każ, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-ossiġnu għal dan il-grupp ta’ kumpaniji li matul is-snin ħoloq karrieri u postijiet tax-xogħol waqt li poġġa fis-suq prodotti li huma rilevanti u mfittxija”, qal il-Ministru Bonnici.

Qal ukoll li fl-aħħar snin, il-grupp għamel diversi investimenti biex isaħħaħ ix-xogħol tiegħu u jkompli jmexxi ‘l quddiem dan is-settur tal-industrija, kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż.



0 views0 comments
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436