top of page

kreAzzjoni: ħanut ġdid ta' artiġġjanat immixxi minn persuni b'diżabilità fi Pjazza Teatru Real



KreAzzjoni hu l-isem ta’ ħanut ġdid ta’ artiġġjanat immexxi minn persuni b’diżabilità u jinsab fi Pjazza Teatru Rjal, fil-Belt Valletta. KreAzzjoni se jagħti opportunità u spazju minn fejn klijenti li jattendu s-servizzi ta’ matul il-jum offruti fiċ-ċentri mmexxija minn Aġenzija Sapport f’Malta u f’Għawdex, ikunu jistgħu jbigħu prodotti ta’ artiġġjanat magħmulin bl-idejn minnhom stess.

Il-ħanut se jiftaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba matul l-attivitajiet tan-Notte Bianca tal-lum fil-Belt Valletta mill-5 ta’ filgħaxija ’l quddiem. Il-prodotti li se jkun hemm għall-bejgħ ivarjaw minn xogħol tal-injam u ċeramika għal tpinġijiet u oħrajn. Prodotti ħidmet madwar 150 persuna b’diżabilità ġejjin minn 10 ċentri ta’ matul il-jum differenti. Wara n-Notte Bianca, mistenni li l-ħanut jerġa’ jkun miftuħ mit-13 ta’ Novembru ’l quddiem għal żmien il-festi tal-Milied.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza s-sinifikat tal-ħanut il-ġdid fi Pjazza Teatru Rjal. Saħaq li dan l-istabbiliment mhux biss se jservi bħala impriża kummerċjali iżda wkoll irawwem l-inklussività fi ħdan il-komunità, partikolarment għal individwi b’diżabilità.

“Il-ftuħ inawgurali tal-ħanut jikkonċidi ma’ Notte Bianca, li jissimbolizza impenn kontinwu għall-iżvilupp kulturali. Din l-impriża tirrifletti d-dedikazzjoni tagħna biex nagħmlu l-arti aktar aċċessibbli kemm għall-artisti kif ukoll għas-soċjetà, u ssaħħaħ l-investiment tal-gvern fis-settur kulturali. Dan juri wkoll l-appoġġ sod tagħna għall-iżvilupp artistiku u l-integrazzjoni soċjali f’postijiet imfittxija,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ddeskriviet din l-inizjattiva bħala vetrina sabiħa tal-ħiliet tal-persuni b’diżabbiltà.

“L-affarijiet maħluqa bl-idejn mill-klijenti tal-Aġenzija Sapport juru l-abbiltà ta' dawn il-persuni u kif huma wkoll jistgħu jkunu mrawma fuq livell imprenditorjali. Nappella lil dawk li se jżuru Notte Bianca biex ikunu ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva u biex il-pubbliku jixtri mill-prodotti li se jkollhom għall-bejgħ bħala turija ta’ appoġġ għal din il-ħidma," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Oliver Sciculna, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, irrefera għal dan il-proġett bħala ambizzjuż iżda li joffri opportunità tanġibbli lill-klijenti tal-Aġenzija sabiex imorru lil hinn minn ambjent li jissegregahom imma jippermettilhom inklużjoni fis-soċjetà b’mod attiv, inklużi fil-kultura u fin-negozju.

“Dan il-kunċett ikompli jikkumplimenta d-direzzjoni tal-Aġenzija lejn żvilupp ta’ abbiltajiet ġodda li jsaħħu l-għajxien indipendenti ta’ persuni b’diżabilità speċjalment fejn jidħol impjieg u programmi inklussivi li jkomplu jnaqqsu d-deistituzzjonalizzazzjoni,” qal is-Sur Scicluna.

KreAzzjoni se jservi bħala esperjenza ta’ xogħol għall-istess klijenti billi jipprovdilhom spazju għal esperjenza prattika fejn jippromwovu x-xogħol tagħhom, ibigħu prodotti, jiltaqgħu max-xerrejja, jikkontrollaw il-flus, jorganizzaw il-prodotti u l-ħanut.







bottom of page