top of page

Konsultazzjoni pubblika dwar proposta ta’ Management Plan għall-Belt VallettaIl-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar a




 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ management plan għall-Belt Valletta bħala sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-Ministru Bonnici ħabbar li minn għada, l-20 ta’ Diċembru 2023, għal perjodu ta’ tmien ġimgħat, dawk kollha interessati jistgħu jaċċessaw id-dokument ta’ proposta ta’ management plan għall-Belt Valletta u jibagħtu l-kummenti u suġġerimenti tagħhom dwaru.

 

Fi spjega lill-ġurnalisti, il-Ministru Bonnici ppreżenta d-dokument li tfassal minn tim ta’ esperti tul ix-xhur li għaddew. Il-Management Plan għall-Belt Valletta huwa rekwiżit mill-UNESCO għal kull sit li jagħmel parti mil-lista tal-Wirt Dinji. Dan il-management plan kif imfassal, li se jkun l-ewwel management plan li qatt kellha l-Belt Valletta, huwa mqassam fuq seba’ kapitli, bis-seba’ kapitlu jkun l-qafas ta’ pjan ta’ azzjoni għas-snin li ġejjin.

 

Il-Ministru Bonnici spjega li l-management plan se jkun qed jittratta dawk li jissejħu bħala l-elementi li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “outstanding universal values”, li jagħżlu lill-Belt Valletta bħala wirt uniku tal-umanità. Fost dawn l-elementi hemm l-awtentiċità tal-belt, l-integrità tagħha, u l-komunità Beltija bil-wirt tanġibbli u intanġibbli tagħha. Huwa saħaq li l-komunità hija ċ-ċentru li fuqu huwa mibni dan il-pjan, anke skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-UNESCO. L-għan ta’ dan il-pjan huwa li filwaqt li tkun assigurata l-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-belt storika, il-belt tibqa’ ċ-ċentru ħaj u vibranti ta’ pajjiżna, xi ħaġa li baqgħet karatteristika tagħha sa minn meta twaqqfet.

 

Kull min jixtieq li jipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika jista’ jagħmel dan sat-22 ta’ Frar, 2024. Dan billi jaċċessa d-dokument mis-sit: https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/default.aspx. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu b’email fuq valletta.unesco@gov.mt, kif ukoll bil-posta: 21, Triq l-Arċisqof, Valletta.

 

 


Comments


bottom of page