• Team Owen Bonnici

Konsultazzjoni pubblika dwar l-oqsma tematiċi li se jkunu l-bażi tal-iStrateġija wara l-pandemija

Imnedija konsultazzjoni pubblika dwar l-oqsma tematiċi li se jkunu l-bażi tal-iStrateġija għal wara l-pandemija




- Pajjiżna qed iħares lejn din l-istrateġija minn pożizzjoni b’saħħitha

- Strateġija li tkun tan-nies u li trid issir flimkien ma’ kulħadd

- Iktar minn 40 laqgħa fi 8 ġimgħat mill-iSteering Group ta’ l-Istrateġija

Il-Ministru għar-Ricerka, l-Innovazzjoni u l-ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici nieda konsultazzjoni pubblika dwar tnax-il oqsma tematiċi li se jkunu l-bażi tal-iStrateġija għal wara l-pandemija tal-COVID-19.

Akkumpanjat mic-Chairperson tal-iSteering Group dwar iStrateġija l-Professur Simone Borg u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-ko-ordinazzjoni tal-iStrateġija għal wara l-COVID-19 is-Sinjura Joyce Dimech, Dr Bonnici saħaq li l-mira tal-Gvern hi li l-istrateġija tkun l-istrateġija tan-nies u li ssir flimkien ma’ kulħadd u b’mod miftuħ.

Il-Ministru Bonnici qal li pajjiżna qed iħares lejn l-istrateġija għal wara l-pandemija minn pożizzjoni b’saħħitha, tant li l-esperti internazzjonali qed ibassru li pajjiżna se jkun wieħed mill-ewwel li se jirkupraw ekonomikament mill-pandemija fl-Unjoni Ewropea.

Dr Bonnici saħaq li dan hu Gvern li ilu għaddej b’diversi riformi għax għandu pjan għal diversi setturi bħall-kostruzzjoni, l-akkomodazzjoni soċjali u l-Governanza waqt li qed iniedi u jimplimenta pjani għal setturi bħat-turiżmu li ġew milquta bil-kbir mill-pandemija.

Huwa sostna li l-fatt li ninsabu b’saħħitna ma jfissirx li ma nħarsux lejn il-futur jew li ma noħolmux aktar u għalhekk il-Gvern hu ffokat biex iħejji strateġija għal wara l-COVID-19.

Il-Ministru Bonnici sostna li l-Gvern irid li nitkellmu fuq x’tip ta’ Malta rridu għaliex jemmen li rridu niġġeddu kontinwament biex nibqgħu nirnexxu.

Min-naħa tagħha c-Chairperson tal-ISteering Group il-Professur Simone Borg sostniet li l-pandemija ħalliet impatti kbar fuq diversi setturi imma toffri wkoll opportunita’ biex nibnu soċjeta’ li tibqa’ miexja ‘l quddiem waqt li tkun iktar inklussiva u sostenibbli.

Hija spjegat li l-iSteering Group, wara konsultazzjonijiet vasti u riċerka li wettaq, fassal tnax-il punt tematiku li fuqhom ser tinbena l-istrategija nazzjonali post pandemija. Dawn il-punti tematici, li tqegħdu għall-konsultazzjoni pubblika, jindirizzaw tliet mistoqsijiet ewlenin u cioe’ kif intejbu l-kwalita’ tal-ħajja u t-tisħiħ tas-soċjeta’, kif nħarsu n-negozju u l-impjiegi biex naslu għall-irkupru mill-impatti tal-pandemija u kif nibqgħu nazzjon resiljenti u kompettiv.

Min-naħa tagħha s-Segretarja Permanenti Joyce Dimech fakkret li l-iSteering Group mmexxi mill-Professur Simone Borg huwa magħmul minn esperti b’ħiliet varji mill-kamp akkademiku u minn entitajiet pubbliċi.

Hija spjegat li fl-aħħar tmien ġimgħat dan l-iSteering Group kellu iktar minn 30 laqgħa ma’ stakeholders ewlenin u Ministeri f’Malta u f’Għawdex u 10 laqgħat oħra formali fi dan il-Group innifsu, apparti minn laqgħat informali oħra. Is-Sinjura Dimech qalet li dawn il-laqgħat għadhom għaddejjin, u se jkun hemm aktar matul il-jiem li ġejjin.

Il-konsultazzjoni hi miftuħa sal-31 ta’ Mejju 2021 u l-feedback li se jasal bis-saħħa ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni u minn laqgħat ma’ stakeholders oħra se jittieħed in konsiderazzjoni fl-iffinalizzar tal-istrateġija finali. L-iStrateġija finali se tiġi ppubblikata qabel l-aħħar ta’ Ġunju li ġej.




8 views0 comments