“L-Indja hija meqjusa bħala sieħeb strateġiku ewlieni għall-UE, biż-żewġ partijiet b’mod attiv jikkoperaw fuq kwistjonijiet reġjonali u globali; fosthom tħassib dwar is-sigurtà, rabtiet kummerċjali u ekonomiċi, l-iżvilupp sostenibbli, modernizzazzjoni, drittijiet tal-bniedem, riċerka u innovazzjoni. Il-kultura mhijiex eċċezzjoni. Ir-relazzjonijiet bilaterali komplew jiżviluppaw b’mod pożittiv matul dawn l-aħħar sentejn, minkejja r-restrizzjonijiet tal-pandemija,” stqarr il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici f’laqgħa li kellu mal-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Esterni u l-Kultura tal-Indja Meenakshi Lekhi.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Bonnici stqarr li r-relazzjonijiet kulturali bejn l-Indja u Malta jmorru lura fiż-żmien fejn fl-1992 kien ġie ffirmat Ftehim ta’ Kooperazzjoni Kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa nnota l-importanza li ż-żewġ gvernijiet jagħtu lis-settur kulturali u sostna li Malta tħares ’il quddiem għal aktar koperazzjoni u kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
“Malta tilqa’ l-progress li sar fit-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja matul l-aħħar Summit UE-Indja fl-2021, u d-djalogi u l-ftehimiet sussegwenti li saru fl-2022. Filwaqt li l-komunità internazzjonali qed tiġi affaċċjata minn sfidi globali, l-UE u l-Indja flimkien jistgħu jkomplu jagħtu riżultati tajbin permezz ta’ djalogu u azzjoni,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Waqt l-interventi tagħha, il-Ministru Meenakshi Lekhi rrimarkat li tinsab impressjonata kif is-settur tal-kultura qabad pass mgħaġġel ħafna wara l-pandemija. “Aħna ħerqana li naħdmu flimkien għal inizjattivi kulturali aktar b’saħħithom, u nkomplu ngħaqqdu l-artisti flimkien,” tenniet il-Ministru Meenakshi Lekhi.
Comentarios