top of page

Kollaborazzjoni ta’ 3 snin fil-qasam tal-ventilazzjoni u tal-arja kkundizzjonata


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mal-Prinċipal u CEO tal-MCAST Prof Joachim Calleja u l-President tal-ACIA Steve Azzopardi, kollaborazzjoni għall-iżvilupp ta’ persuni kwalifikati tekniċi fil-kamp tal-ventilazzjoni u arja kkundizzjonata.

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Jiena ninsab tassew kuntent li qed niżguraw li l-istudenti jiksbu kwalifiki f’setturi importanti tal-ekonomija tagħna u li jwasslu għal opportunitajiet ta’ xogħol. Għandna bżonn naħdmu mal-partijiet interessati biex noħolqu opportunitajiet u esperjenzi għal studenti fil-kamp tat-taħriġ vokazzjonali.”

“Aħna bħala gvern ninsabu kommessi li nkomplu bl-impenn tagħna biex il-korsijiet ikunu rilevanti għad-dinja tax-xogħol. Fit-tfassil tal-korsijiet għas-sena akkademika l-ġdida, nistgħu naraw li prijoritizzajna konsultazzjoni kontinwa mal-industrija. L-isforzi tal-Kulleġġ wasslu għat-twaqqif ta’ workshop speċjalizzat ġdid fil-Kampus ta’ Raħal Ġdid mgħammar skont l-istandards tal-industrija biex jintuża għat-taħriġ fis-sistemi ta’ ventilazzjoni u arja kkundizzjonata,” kompla l-Ministru Bonnici.

Il-faċilitajiet il-ġodda huma ffinanzjati mill-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tas-sistemi tal-arja kkundizzjonata (ACIA) bħala parti minn ftehim ta’ kollaborazzjoni ta’ tliet snin mal-MCAST.

Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja spjega, “L-għan ewlieni ta’ din il-kollaborazzjoni huwa li jkollna nies kwalifikati f’dan is-settur. L-ACIA ser tisponsorja l-istudenti rreġistrati fid-Diploma in Heating, Ventilation, and Air-Conditioning f’dan il-kors fit-tielet livell offrut mill-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-MCAST. Din il-kollaborazzjoni se tippermetti lill-istudenti jaħdmu mal-isponsor tagħhom, li eventwalment isir anke l-post tax-xogħol tagħhom”.

Il-President tal-ACIA Steve Azzopardi qal, “Bħala importaturi, qegħdin naħdmu flimkien fuq din l-inizjattiva billi nemmnu li l-edukazzjoni vokazzjonali hija kruċjali biex tipprepara lill-istudenti għax-xogħol. Għandna bżonn impjegati kwalifikati jekk irridu nkomplu nsaħħu dan is-settur u noffru servizz effiċjenti lill-klijenti”.

Ta’ min wieħed ifakkar li f’Mejju li għadda, l-MCAST nieda l-prospett tal-korsijiet għal Ottubru 2020 b’varjetà ta’ 190 kors li jvarjaw minn korsijiet f’livell ta’ introduzzjoni għall-korsijiet ta’ diploma, Baċellerat u Masters. Dan it-tagħlim li huwa bbażat fuq esperjenza ta’ xogħol fil-ħajja reali, huwa xhieda li l-mira tal-gvern u tal-Ministeru hi li tiġi pprovduta l-opportunità unika lill-istudenti biex jaħdmu u jitħarrġu ma’ kollegi fuq il-post tax-xogħol.

L-applikazzjonijiet onlajn se jkunu miftuħa fis-6 ta’ Lulju fuq mcast.edu.mt.

Għall-għajnuna fuq l-għażla tal-korsijiet u tal-karrieri, studenti prospettivi huma mħeġġa jikkuntattjaw servizzi ta’ gwida fuq in-numru tat-telefon 2398 7135/6 jew career.guidance@mcast.edu.mt.




bottom of page