Din il-ġimgħa, il-Gvern ħabbar miżuri ġodda biex flimkien inkunu iżjed aggressivi, dixxiplinati u reziljenti bħala forza waħda kontra l-Covid-19. Huwa mument li ningħaqdu flimkien ħa ngħelbu dan il-mument li d-dinja kollha qed taffaċċja inkluż pajjiżna.
Iżda l-ħidma ma tiqafx fi ħdan l-Ministeru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Istrateġija għal Wara L-COVID-19 immexxi mill-Ministru Dr. Owen Bonnici tant li nhar it-Tlieta li għaddew, b’mod virtwali, gie registrat progress ulterjuri f’kollaborazzjoni bejn Malta u t-Turkija.
Din hija l-ewwel wahda tax-xorta tagħha u se tara l-finanzjament ta' żewġ proġetti ta' riċerka li se jġibu flimkien riċerkaturi minn dawn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Kunsill Malti ghax-Xjenza u t-Teknologija (MCST) u l-Kunsill ta' Riċerka Xjentifika u Teknoloġika tat-Turkija (TÜBITAK) se jpoġġu flimkien EUR 400,000 għall-finanzjament ta' proġetti fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-ilma, l-agrikoltura jew il-qasam alimentari. Dan se jsir fil-kappa tas-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-Mediterran (PRIMA) li ġġib flimkien 19-il pajjiż fir-Reġjun tal-Mediterran għat-tisħiħ ta' riċerka u innovazzjoni f'setturi partikolari.
PRIMA huwa l-iktar programm ambizzjuż li qed isir fil-kuntest tal-koperazzjoni Ewro Mediterranja bil-għan li tissaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni fit-tliet oqsma imsemmija.
Is-sejħa għal din l-inizjattiva tnediet fl-1 ta' Marzu u se tagħlaq fis-17 ta’ Ġunju. Sadanittant iż-żewġ awtoritajiet qegħdin għaddejjin b'taħditiet tekniċi bil-għan li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn in-naħat rispettivi u jsiru proġetti oħra importanti.
F'kollegament li sar permezz ta' video conference il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-ko-ordinazzjoni tal-iStrateġija għall-wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici faħħar il-ħidma li bdiet fl-aħħar xhur u li qed issir bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk tat-Turkija biex issir din il-kollaborazzjoni importanti. Huwa qal li l-isfera Mediterranja hija importanti ħafna għall-pajjiżna u bis-saħħa ta' dawn il-proġetti se tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn Malta u t-Turkija.
Dr Bonnici spjega li bis-saħħa ta' dawn il-proġetti ir-riċerkaturi u l-innovaturi taż-żewġ pajjiżi se jibbenefikaw għaliex b'hekk isaħħu mhux biss l-għarfien xjentifiku imma anke fejn jidħol in-netwerking. B'dan il-mod huma jkunu jistgħu jkomplu jikkolaboraw f'sejħiet oħra diversi fi ħdan il-programm PRIMA.
Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) qed jaħdem favur it-tisħiħ tal-portafoll internazzjonali tiegħu biex riċerkaturi lokali jkomplu javvanzaw fil-qasam rispettiv tagħhom permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ imsieħba internazzjonali. Dan ikompli jassigura li l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet rispettivi fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni qed ikomplu jkunu indirizzati.
“Permezz ta’ dan il-proġett ta' riċerka li qed nagħmlu mal-awtoritajiet tat-Turkija jgħinu biex insaħħu mhux biss ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi iżda wkoll biex insaħħu r-relevanza tal-Mediterran bħala żona importanti tar-riċerka. B'investiment ta €400,000 se naraw li jiġu finanzjati żewġ proġetti ta' riċerka li jagħtu opportunità lil riċerkaturi minn dawn iż-żewġ pajjiżi li jaħdmu flimkien”, tenna l-Ministru Owen Bonnici.
Ix-xjenza taghmel differenza fil-hajja tan-nies
Din il-ġimgħa wkoll, il-Ministru Owen Bonnici kellu żjara differenti mis-soltu fil-lokal taż-Żurrieq fejn żar klinika; Klinika Santa Marija mmexxija minn Dr. Bjorn Buhagiar. Dan juri wkoll li fl-irħula u l-ibliet tagħna, il-komunitajiet qed igawdu minn servizzi li huma marbuta mad-dinja tax-xjenza, f’dan il-każ; is-servizz mediku tal-klinika mit-tobba u n-nurses li jaħdmu fiha.
Interessanti l-mod ta’ kif it-Tabib Bjorn Buhagiar wettaq diversi innovazzjonijiet fil-mod ta’ kif wieħed jagħti s-servizz mediku relatat mas-saħħa primarja. Dan jagħmlu fuq mudell Nordiku u li jimxi fuq żewġ prinċipji ewlenin: L-ewwelnett sistemi li jagħtu każ u jieħdu ħsieb lill-pazjenti tagħhom u t-tieninett li jieħdu gost iwettqu dan ix-xogħol b’passjoni li ġejja mill-qalb.
Innovattiv ukoll huwa l-mod ta’ ‘follow up’ li jsir fejn mir-riżultat ta’ ‘check ups’ li jsiru, jinħoloq pjan individwali li jwassal biex kemm jista’ jkun jissolvew il-problemi li jkun hemm filwaqt li kull pazjent ikun segwit u anke jinħoloq pjan għall-persuna f’każ li jkun hemm bżonn għajnuna mill-aspett soċjali u psikoloġiku. Hemmhekk, imbagħad jirreferuhom għall-entitajiet rispettivi.
Dr. Buhagiar ħoloq dawn il-kunċetti biex jgħin biex anke jitnaqqas il-piż nazzjonali fejn f’inqas ħin, il-klijenti jingħataw servizzi flimkien ma’ investiment ikbar fuq ir-riżors uman.
“Waqt li nirringrazzjaw lit-tobba u l-professjonisti kollha tas-saħħa li jaħdmu fid-diversi lokalitajiet tal-ħidma eċċellenti tagħhom, filwaqt li aħna kontinwament inħeġġu biex titkompla titqajjem kuxjenza ta' kemm ix-xjenzi huma importanti f'ħajjitna u kif l-innovazzjoni ttejjeb is-servizzi li jiġu offruti”, sostna l-Ministru Owen Bonnici.
Matul din iż-żjara l-Ministru Bonnici kien akkumpanjat mis-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima li tat ukoll l-esperjenzi tagħha bħala professjonista b’esperjenza kbira fil-qasam tal-kura tas-saħħa.
Il-Ministru Bonnici sostna li kliniċi mediċi huma eżempju ċar u ħaj ta’ kif ix-xjenza twassal għal titjib fil-ħajja ta’ dak li jkun u qal li l-fatt li dawn jinsabu fid-diversi rħula, bliet u kommunitajiet huma tfakkira ħajja tax-xogħol kbir li jsir bl-użu tax-xjenza favur il-ħarsien tal-benesseri tan-nies.
Huwa seta’ jinnota wkoll kif fi ħdan din il-klinika hemm taħlita interessanti ta’ professjonisti li ġejjin miż-żewġ sessi – kemm irġiel u kemm nisa. Din hi xi ħaġa importanti ħafna għaliex il-qasam tax-xjenzi huwa qasam li għandu jappella għal kulħadd u fl-istorja kemm lokali u kemm internazzjonali kienu bosta n-nisa li għamlu unuri u suċċessi kbar fil-qasam tax-xjenzi.
Bis-saħħa ta’ dawn il-professjonisti jitkisser il-mit li bħallikieku x-xjenza hi biss xi ħaġa li tappartjeni lill-Università jew xi grupp ta’ xjenzjati li jaħdmu fil-privat. Anzi, dawn il-professjonisti jfakkruna ta’ kuljum li din il-ħidma tagħmel id-differenza kollha fil-livell l-iktar qrib tan-nies u ċ-ċittadini.
Kommentare