top of page

Jitħabbar il-Programm tal-Karnival 2026

  • Feb 9
  • 2 min read

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien ma’ Festivals Malta ħabbru l-programm nazzjonali tal-Karnival ta’ Malta 2026. Din is-sena, id-dati uffiċjali tal-Karnival huma bejn it-13 u s-17 ta’ Frar u prinċiparjament ser iseħħ fil-Belt Valletta u l-Floriana.

 

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li l-Karnival Malti jibqa’ wieħed mill-aktar avvenimenti kulturali li jgħaqqdu n-nies flimkien, filwaqt li jsaħħaħ it-tradizzjonijiet, il-kreattività u l-identità tagħna bħala poplu. Huwa saħaq li l-parteċipazzjoni ta’ 39 kumpanija turi kemm dan l-avveniment għadu ħaj u relevanti.

 

Il-Ministru Bonnici fakkar ukoll li din is-sena, 50 kunsill lokali se jtellgħu attivitajiet varji għall-Karnival f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, wara li kisbu fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

 

L-attivitajiet ewlenin li ser iseħħu f’dawn id-dati jinkludu għadd ta’ attivitajiet u spettakli tradizzjonali. Fost il-kumpaniji li ser jipparteċipaw fil-Karnival ta’ din is-sena, insibu defilé tradizzjonali bil-karrijiet li jinkludi żfin, kostumi kkuluriti, maskeruni, installazzjonijiet u aktar fil-Belt Kapitali Maltija, il-Belt Valletta.

 

Il-Karnival huwa wieħed mill-akbar avvenimenti li għandna Malta li jirrikjedu l-koperazzjoni bejn għadd ta’ entitajiet. Huwa tradizzjoni li jgħaqqad il-professjonisti fis-settur tal-arti u l-kultura flimkien ma’ voluntiera li jiddedikaw tant ħin biex joħolqu l-opri tal-arti.

 

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, stqarr li “Fil-bidu ta’ kull sena, norganizzaw it-tieni festival li aħna responsabbli għalih, il-Karnival – Festival kbir li joffri ħafna sfidi sabiex torganizzah. Madankollu kburin li jifforma parti mill-portafoll tagħna, għax huwa wieħed li jiċċelebra tradizzjoni mill-aktar antika u fl-istess waqt huwa festival li jferraħ u jgħaqqad il-familji Maltin u Għawdxin. Inrodd ħajr lill-ħaddiema u l-voluntiera tagħna li jagħtu sehemhom sabiex il-Karnival ikun jista’ jiġi ċċelebrat b’suċċess għal sena oħra.”

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius qal, “Kull sena, il-Karnival Malti jilqa’ eluf ta’ viżitaturi minn madwar Malta u Għawdex, imma wkoll minn madwar id-dinja. Apparti l-ħidma siewja tal-parteċipanti tal-Karnival, hemm ukoll il-ħidma qatigħ tan-nies minn wara l-kwinti, mill-artistrija tal-kartapesta u l-kostumi, sal-ipprogrammar u l-loġistika li jiżgura li l-esperjenza tal-karnival tkun waħda sigura u pjaċevoli għal kulħadd. Wieħed irid ifaħħar dan ix-xogħol, ħafna minnu volontarju u nirringrazzja lil dawn in-nies għax-xogħol siewi tagħhom biex il-Karnival ta’ Malta jkun suċċess ta’ kull sena.”

 

Apparti l-attivitajiet ewlenin bejn it-13 u s-17 ta’ Frar fil-Belt Valletta, il-programm tal-Karnival ta’ Malta tal-2026 se jinkludi wkoll edizzjoni oħra tal-Karnival fil-Ħamrun nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar mill-10 a.m. sas-1 p.m. u f’Santa Venera “Carnival by night” is-Sibt 7 ta’ Frar.

 

Jason Busuttil, Direttur Artistiku, stqarr, “Il-Karnival Malti jerġa’ jġib miegħu kulur, kreattività u briju fil-Belt Valletta, il-Furjana u madwar Malta u Għawdex. F’dawn l-aħħar snin il-livell artistiku kompla jogħla b’karrijiet, kostumi u żfin ta’ livell għoli li juru futur sabiħ għal din it-tradizzjoni. Din is-sena se jkollna Karnival kbir u kkulurit, u nħeġġu lill-pubbliku jipparteċipa u jgawdi l-attivitajiet kollha.”

 

Il-programm sħiħ tal-Karnival ta’ Malta jinsab fuq www.festivals.mt/karnival.

 

Il-Karnival ta’ Malta huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, u megħjun minn Fanta.



 
 
 

Comments


bottom of page