top of page

Jitnieda l-programm ta’ Spazju Kreattiv 2022/2023 b’aktar minn 560 avveniment



Jibda uffiċjalment kapitlu ġdid għal Spazju Kreattiv bit-tnedija tal-programm 2022/2023. L-istaġun se jikkonsisti f’aktar minn 560 avveniment, li jinkludu 400 kollaboratur u 19-il forma kreattiva.



Dan l-istaġun se juri inizjattivi li jittrattaw diversi kwistjonijiet attwali relatati ma’ ideat etiċi, politiċi, reliġjużi u filosofiċi. Dawn is-suġġetti kollha u aktar se jkunu esplorati permezz ta’ diversi forom ta’ arti bħat-teatru, wirjiet tal-arti, films, kunċerti mużikali, żfin, u ħafna aktar.



Barra minn hekk, din il-varjetà se tagħti ċ-ċans lil kulħadd sabiex jingħaqad u jkun parti minn din iċ-ċelebrazzjoni kreattiva.



Dan l-approċċ inklużiv se jidher ukoll f’oqsma oħra li jvarjaw minn avvenimenti għall-anzjani sat-tfal. Dawn tal-aħħar se jkunu jistgħu jgawdu spettakli mal-familji tagħhom u jipparteċipaw f’attivitajiet bħala parti mill-istaġun ta’ ŻiguŻajg.



Dan l-istaġun għandu l-għan li jqajjem aktar għarfien dwar l-arti u jippromvowi aktar parteċipazzjoni permezz ta’ servizzi online bħal possibbiltajiet ta’ video-on-demand, diskussjonijiet f’xandiriet diretti, podcasts, żjarat virtwali, u ritratti online.



F’dan ir-rigward, is-sit li ġie rinovat reċentement għandu jaġixxi bħala pjattaforma biex jippreserva l-wirt tal-entità li dejjem jikber billi joffri rekord diġitali li jkun faċilment aċċessibbli, tal-kisbiet tal-passat, inkluża l-kollezzjoni tal-arti tal-organizzazzjoni.



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem dwar kemm dawn l-avvenimenti artistiċi huma sinifikanti, u għaliex huwa daqshekk importanti li nkomplu ninvestu fihom.



Owen Bonnici spjega li “Il-kollaborazzjoni tranżnazzjonali li seħħet illum, tat sens ta’ komunità kemm lill-artisti Maltin kif ukoll lil dawk barranin. Dan juri kemm l-industrija hija reżiljenti u x’jista’ jinkiseb meta artisti minn oqsma oħra jikkollaboraw flimkien biex joħolqu xogħlijiet ta’ arti. Din hija illustrazzjoni ewlenija ta’ programmi u proġetti oħra.”


Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai, stqarr li minkejja t-tibdiliet u t-titjib radikali li qed iseħħu bħalissa fi ħdan l-organizzazzjoni, l-għan oriġinali għadu ħaj. Huwa sostna li “Ma’ kull sena li tgħaddi, il-viżjoni tagħna tkompli tespandi u tevolvi. Madankollu, l-għan tagħna jibqa’ l-istess, jiġifieri, li naġixxu bħala katalisti fundamentali għall-kreattività fil-forom kollha tagħha. Irridu nkomplu niżviluppaw is-settur kreattiv Malti billi niffaċilitaw mod għall-artisti li jippermettilhom juru x-xogħlijiet tagħhom.”



Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv Daniel Azzopardi saħaq li l-programm ta’ din is-sena huwa speċifikament iffukat fuq ir-rabta u l-konnessjoni maċ-ċirkustanzi attwali li d-dinja qiegħda tesperjenza. “Hekk kif is-settur jirrikonoxxi l-effetti tal-pandemija u l-ħsara tal-gwerra, qegħdin inniedu staġun ta’ avvenimenti li jfittex li jkun rilevanti għall-istat tal-affarijiet dinjija, joffri spazju għal żvilupp kreattiv, u jipprovdi aktar toroq għal networking u parteċipazzjoni pubblika”, esprima s-Sur Azzopardi.








bottom of page