top of page

Jitnieda l-programm ta’ Notte Bianca 2023


Aktar minn 60 attività u 250 artist għal lejla oħra memorabbli


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-programm għan-Notte Bianca 2023 li ser tittella’ nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru. Organizzata minn Festivals Malta, Notte Bianca toffri spettaklu diversifikat ta’ arti performattiva u viżiva bis-sehem ta’ diversi artisti lokali u internazzjonali.

Il-Ministru Bonnici spjega li din is-sena ser ikun hemm ’il fuq minn 60 attività bl-involviment ta’ aktar minn 250 artist, bil-maġġoranza tagħhom lokali. “In-Notte Bianca huwa investiment dirett u kontinwu fis-settur kulturali u kreattiv li qiegħed ikompli jiżviluppa u jikber, b’mod li qed isir dejjem iktar aċċessibbli għall-artisti, il-kreattivi u s-soċjetà tagħna kollha kemm hi”, qal il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, spjega li permezz ta’ Notte Bianca, il-Belt Valletta tinbidel f’lejla mimlija kultura li tinkludi mużika, teatru, żfin u installazzjonijiet tal-ogħla kwalità, kif ukoll attivitajiet edukattivi għat-tfal u għall-familja kollha. “Notte Bianca jirnexxilha tesponi lil Malta bħala destinazzjoni kulturali billi toffri avvenimenti divertenti u ta’ valur edukattiv kif ukoll dak artistiku lill-udjenzi tagħha,” qal is-Sur Zahra. Spjega wkoll li din is-sena Festivals Malta se jkollha mappa interattiva fuq is-sit elettroniku tagħha sabiex tkun aktar faċli għall-udjenza biex issib l-avvenimenti li jattiraw il-gosti tagħha.

“Ta’ kull sena, Festivals Malta qed taħdem biex mhux biss tagħmel Notte Bianca aktar aċċessibbli u organizzata, iżda biex ukoll dejjem ngħollu l-livell tal-avvenimenti tagħna biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-festivals tagħna bl-aħjar mod,” temm jgħid is-Sur Zahra.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius sostna li permezz ta’ Notte Bianca, il-Belt Valletta tinbidel f’festa ta’ kuluri, fejn l-arti u l-kultura tirrenja, u t-talent ta’ diversi artisti lokali u internazzjonali jżewwaq kull rokna tal-belt kapitali. Huwa spjega li fost l-aspetti li jispikkaw f’Notte Bianca ta’ din is-sena huma d-diversi kollaborazzjonijiet li l-aġenzija għandha ma’ entitajiet statali, NGOs, u għaqdiet oħra li kollha se jagħtu l-kontribut tagħhom permezz ta’ produzzjonijiet oriġinali b’temi soċjali u oħrajn informattivi.

Id-Direttur Artistiku tal-Festival Antoine Farrugia spjega li l-programm għal din is-sena jinkludi ’l fuq minn 60 proġett varjat fuq seba’ rotot artistiċi, fejn l-artisti se jkunu qed jagħtu spettaklu lill-udjenzi. Huwa ħabbar li l-artisti tal-main stage ta’ din is-sena ser ikunu AIDAN, Ivan Grech & Band u l-band popolari Taljana Le Vibrazioni. “Kull min ser iżur Notte Bianca, żgur se jsib xi proġett li jolqtu u nħeġġeġ lill-familji u lil dawk li jħobbu l-arti u l-mużika sabiex jattendu għan-Notte Bianca,” temm jgħid is-Sur Farrugia.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ Notte Bianca, żur www.festivals.mt/nb.






bottom of page