top of page

Jitnieda l-Karnival 2023



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li wara sentejn ta’ edizzjonijiet ridotti, din is-sena l-Karnival ta’ Malta ser jirritorna fil-format oriġinali tiegħu bejn is-17 u l-21 ta’ Frar 2023.


Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ngħataw dettalji tal-Karnival 2023, il-Ministru Bonnici sostna li l-Karnival huwa wieħed mill-iżjed appuntamenti importanti fil-kalendarju kulturali Malti, u għalhekk il-Gvern hu kommess li jkompli jinvesti fih.


“Dan ma jingħadx bil-kliem biss iżda nuruh bil-fatti wkoll permezz tal-investiment ta’ €1.2 miljun fi tractors u trailers biex jintużaw mill-karristi fil-Karnival ta’ Malta,” qal il-Ministru Bonnici, filwaqt li sostna li l-Karnival ta’ Malta huwa s-suċċess li hu għaliex fih hemm ħafna artisti b’talent kbir li jagħtu ħinhom għal dan l-avveniment tant maħbub mal-familji Maltin u Għawdxin u t-turisti li jżuruna.


Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li, “Il-livell tal-Karnival ta’ Malta diġà huwa wieħed għoli imma permezz tal-investimenti li Festivals Malta qed jagħmel f’dan il-festival, persważ li ser inkomplu ngħolluh. Din is-sena ser norganizzaw Karnival li jħares il-miżuri ambjentali, Karnival sostenibbli, u Karnival li jagħti importanza massima lis-saħħa u s-sigurtà tal-parteċipanti u lill-udjenza numeruża li tattendi bi ħġarha għal dan il-festival.”


Is-Sur Zahra tenna li, wara nuqqas ta’ sentejn milli jiġi ċċelebrat b’mod normali, l-aspettattiva u l-istennija għall-Karnival ta’ din is-sena hija waħda kbira. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi bi ħġaru għall-attivitajiet li hemm imħejjija għall-Karnival ta’ din is-sena, li se jkun wieħed mill-akbar Karnivali li qatt ġew organizzati.


Id-direttur artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil, tkellem dwar il-programm estensiv ta’ din is-sena. “Dan il-programm ma setax ikun possibbli mingħajr id-dedikazzjoni kbira ta’ kull min jaħdem fuq dan il-festival minn wara l-kwinti, speċjalment il-parteċipanti li jinvestu tant ħin fil-kreazzjonijiet tagħhom. Ta’ kull sena l-parteċipanti jgħollu l-livell tal-karrijiet, taż-żfin u l-kostumi li jipproduċu, però din is-sena l-livell huwa wieħed impekkabbli,” qal is-Sur Busuttil.


Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, qalet li l-Karnival ta’ Malta huwa wieħed mill-akbar u l-eqdem festivals li jorganizza Festivals Malta, b’hekk l-aġenzija ser tkompli taħdem biex dan jibqa’ jiżviluppa maż-żminijiet filwaqt li jżomm qrib it-tradizzjonijiet tiegħu.


“Il-Karnival ta’ Malta huwa uniku ħafna, partikolarment minħabba t-tradizzjonijiet, il-karrijiet spettakolari, u l-kostumi elaborati, tant li jattira ħafna turiżmu matul staġun normalment kwiet. Festivals Malta se jkompli jaħdem id f’id mal-parteċipanti biex inkomplu nissuperaw l-aspettattivi, filwaqt li nkunu ta’ eżempju f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà u s-sostenibbiltà,” qalet is-Sinjura Stivala.


Din is-sena Festivals Malta ser ikun qed jintroduċi miżuri ġodda għall-ġbir tal-iskart permezz ta’ kontenituri apposta waqt il-Karnival ta’ Malta, kif diġà sar waqt in-Notte Bianca. Din l-inizjattiva qiegħda ssir biex l-iskart li jiġi ġġenerat mill-festival jiġi miġbur u separat b’mod responsabbli sabiex il-festival ikun iktar sostenibbli.


Għall-programm uffiċjali tal-Karnival, idħol fuq http://www.festivals.mt/karnival.




3 views

コメント


bottom of page