Tnieda l-Fond Ewropew għall-Festivals għall-Artisti Emerġenti (EFFEA) li hu inizjattiva tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Festivals (EFA).
Dan huwa proġett ibbażat fuq tliet snin li joffri lill-artisti emerġenti pjattaforma sabiex jiżviluppaw il-karriera tagħhom fuq livell internazzjonali permezz ta’ festivals tal-arti.
L-ewwel sejħa għal festivals biex jappoġġjaw lill-artisti hija miftuħa u se tibqa’ miftuħa għal perjodu ta’ xahar, bis-sejħa tagħlaq fil-15 ta’ Novembru 2022.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, li attenda għat-tnedija, spjega li “Il-festivals minnhom infushom jagħtu lok ta’ esplorazzjoni u jippreżentaw ruħhom bħala esebituri ta’ talenti eżistenti li mhux magħrufa jew li għad iridu jsiru magħrufa. Kif ukoll jippreżentawlna artisti li lesti jieħdu r-riskju bl-oriġinalità u l-innovazzjoni tagħhom.” Huwa żied jgħid li dan il-fond se jrawwem u jippermetti viżibilità akbar fuq livell Ewropew għall-artisti emerġenti, kif ukoll ser jindirizza l-bżonnijiet tal-artisti f’livelli differenti.
Bħala waħda mill-14-il imsieħeb Ewropew li ġabu dan il-proġett f’Malta u Għawdex, id-Direttur Maniġerjali ta’ ARC Research & Consultancy Davinia Galea qalet li “EFFEA jibni fuq EFFE (Europe for Festivals, Festivals for Europe) u huwa ibbażat fuq il-komunità ta’ 2,450 festival li rreġistraw fuq FestivalFinder.eu, liema pjattaforma tpoġġi lill-artisti aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali.”
F’kumment dwar it-tnedija tal-fond, id-direttur ta’ Festivals Malta, is-Sinjura Annabelle Stivala, qalet li “L-EFFEA hija tassew opportunità kbira għall-festivals f’Malta u Għawdex li sservi bħala network u tagħti lok għal kollaborazzjonijiet internazzjonali ma’ festivals Ewropej oħra. Għall-artisti tagħna, din ser tkun esperjenza u parti kruċjali minn karriera internazzjonali li qed tiżviluppa.”
L-EFFEA tistieden festivals minn 44 pajjiż Ewropew fid-dixxiplini kollha biex japplikaw għal waħda mill-50 għotja li qed jiġu assenjati fl-2022. Dan bil-għan li jappoġġjaw ix-xogħol ta’ artisti emerġenti permezz ta’ programm speċifiku bejn l-1 ta’ Frar 2023 u l-31 ta’ Diċembru 2023.
Comentarios