Open Site Navigation

Jitlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq it-Torri tal-Wardija fiż-Żurrieq



Tlesta r-restawr tat-Torri tal-Wardija fiż-Żurrieq mid-Direttorat tar-Restawr, li ġie rrestawrat bis-saħħa tal-iskema tar-Restawr għall-Kunsilli Lokali.


Magħruf ukoll bħala Torre del Guardia del Giorno, dan kien l-aħħar torri li nbena fis-sena 1659 minn fost it-torrijiet De Redin. Bejn is-sena 1658 u s-sena 1659 nbnew tlettax-il torri mill-Gran Mastru De Redin. Id-De Redin watch towers mibnija f’Malta huma prattikament identiċi, ivarjaw ftit fid-dettall u fid-daqs. It-Torri tal-Wardija hu l-iżgħar mit-tlettax-il torri mibnija.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Proġetti bħal dawn ikomplu juru biċ-ċar l-impenn tal-gvern lejn il-wirt storiku fil-lokalitajiet tagħna. Investiment f’postijiet ta’ din ix-xorta huwa investiment fl-istorja tagħna għaliex bih niġbdu aktar viżitaturi lejn Malta.”


Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr għal ħidmiethom favur binjiet storiċi u qal li bħala gvern irid jibqa’ jieħu ħsieb postijiet storiċi bħalma hu t-Torri tal-Wardija.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li issa li x-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tal-Wardija tlesta, għandna xhieda tal-ħidma u tal-impenn tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr biex titwettaq l-iskema maħruġa mill-kunsilli lokali. Qalet ukoll li postijiet storiċi bħal dan it-torri għandhom jibqgħu jiġu rrestawrati sabiex naċċertaw li dak li ħallew ta’ qabilna jibqa’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna filwaqt li nkunu qed noħolqu valur ġdid fil-lokalitajiet tagħna.


Id-Direttur tad-Direttorat tar-Restawr, il-Perit Nobert Gatt qal, “Fil-ġimgħat li għaddew bdew ukoll żewġ proġetti ta’ restawr magħżula taħt l-Iskema 2020/2021. Dawn huma l-Kappella tat-Twelid ta’ Marija Bambina f’Ħal Lija u l-Istatwa ta’ San Publiju fil-Furjana.”


Dr Gatt qal ukoll li barra minn hekk bdew l-aħħar preparament biex tliet proġetti oħra jibdew ukoll fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn huma l-istatwa tal-iljun fil-Belt Valletta, il-ħajt fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl fir-Rabat, u t-Torri tal-Ilma fil-Ħamrun.

Ir-restawr sar fuq il-faċċati u fuq il-konsolidazzjoni strutturali tal-istruttura tas-soqfa u tal-ħitan tal-ġebel. Mal-faċċati kienu qed jidhru xquq estensivi u kien hemm deterjorazzjoni tal-ġebel. Spjega kif fejn kien possibbli, ma saritx sostituzzjoni tal-ġebel.


Qal li ħafna ċangaturi tas-soqfa tal-ġebel kienu fi stat ħażin, u l-istruttura tal-arkata ddeterjorat ħafna minħabba li daħal fiha ħafna ilma. Minħabba l-istat avvanzat ta’ deterjorazzjoni, iċ-ċangaturi tal-ġebel ġew sostitwiti b’materjal ġdid. Is-saqaf ġie rrestawrat biex tiġi evitata aktar infiltrazzjoni tal-ilma billi t-torba eżistenti reġgħet ġiet invellata biex jinkisbu gradjenti xierqa.


L-aperturi kollha nstabu li ma setgħux jintużaw u għalhekk dawn ġew sostitwiti b’aperturi ġodda tal-injam.



8 views