top of page

Jitlesta x-xogħol ta’ restawr tal-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Knisja tal-Ġiżwiti



Ix-xogħol fuq is-Sagristija miexi ġmielu



Ir-restawr tal-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni tlesta fil-Knisja tal-Ġiżwiti tal-Belt Valletta, filwaqt li x-xogħol fuq is-sagristija mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt żjara li għamel f’din il-knisja.


Dan ix-xogħol ta’ restawr sar b’investiment ta’ €1,250,000 minn fondi nazzjonali u sar taħt it-treġija tad-Direttorat tar-Restawr. Dan l-investiment ikopri wkoll l-ispiża neċessarja għall-eventwali restawr tat-tieni Oratorju, jiġifieri dak tal-Onorati.


Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza ta’ restawr ta’ dawn il-postijiet ta’ wirt importanti, li jinsabu fil-qalba tal-Belt kapitali. Huwa saħaq li dan il-wirt patrimonjali jattira wkoll viżitaturi li jiġu f’pajjiżna biex jesperjenzaw il-wirt reliġjuż u dak artistiku. Innota wkoll li l-konservazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet tal-arti tiggarantixxi s-sopravivenza u t-tgawdija tagħhom għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li jżuru din il-Knisja.


“B’kollox se jkunu ġew investiti €4.5 miljun f’din il-ġawhra patrimonjali fil-Belt Valletta u dan l-investiment jinkludi x-xogħlijiet li bdew fl-2015 bir-restawr tal-bejt tal-knisja tal-Ġiżwiti, il-koppla, il-kupletti ta’ fuq il-kappelli u l-kampnar. Ix-xogħlijiet tkomplew bir-restawr tal-faċċati tal-knisja fi Triq il-Merkanti, fi Triq l-Arċisqof u fi Triq San Pawl, kif ukoll ir-restawr li qed nitkellmu fuqu illum,” tenna l-Ministru Bonnici.


L-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni nbena fl-ewwel nofs tas-seklu 17 biex jipprovdi spazju ta’ talb għal Konfraternità mwaqqfa mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Għalkemm il-perit tal-Oratorju mhux magħruf, xi wħud jattribwuh lil Francesco Buonamici (1596–1677).


Ir-Rettur tal-Knisja, Rev. Dr Nicholas Doublet sostna li “permezz tar-restawr ta’ dan ix-xogħol barokk mhux biss qed inħallu lil dawk li jżuru jesperjenzawha fl-oriġinal tagħha, iżda qed jinħoloq hub kulturali ġdid fiċ-ċentru stess tal-Belt Valletta. L-ispazju diġà joffri post għal programm kulturali varjat li se nkomplu nkabbru fix-xhur li ġejjin.”


Il-Perit Mark Azzopardi mid-Direttorat tar-Restawr spjega fid-dettall ix-xogħol li sar. “Ġiet introdotta sistema ta’ detezzjoni tan-nar u ġew installati dwal ġodda fis-sagristija. Studji fuq il-ħitan u s-saqaf eżistenti identifikaw il-kuluri oriġinali li issa ġew riprodotti. Saru wkoll tiswijiet fil-ġebel u fit-twieqi u ġew irranġati wkoll faċilitajiet sanitarji fis-sagristija, filwaqt li l-art tal-irħam tas-sagristija ġiet imsewwija u illustrata mill-ġdid,” spjega l-Perit Azzopardi.






Commentaires


bottom of page