top of page

Jitlesta r-restawr fuq il-Kappella ta’ Sant’Antnin u Santa Katarina f’Birkirkara



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq il-Kappella ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova u Santa Katarina f’Birkirkara. Ix-xogħlijiet saru mid-Direttorat tar-Restawr li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali permezz tal-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali.


“Dan kien proġett ieħor li jaqa’ taħt l-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, inizjattiva li għandha l-għan li tgħin lill-kunsilli lokali biex jirrestawraw monumenti u binjiet storiċi fil-lokalità tagħhom għall-ġid u għall-gost tal-membri tal-komunità tagħna,” qal il-Ministru Bonnici. Il-Ministru semma li attwalment id-Direttorat tar-Restawr qed jieħu ħsieb 71 proġett fl-istess waqt biex inkomplu nsaħħu l-prodott lokali tagħna. “Ta’ min wieħed jiftakar ukoll li d-Direttorat diġà ħadem fuq 70% tal-lokalitajiet tagħna, dan sabiex inkomplu nsaħħu dak li jagħmilna Maltin”.

Il-knisja nbniet fl-1828 però dokumenti storiċi jixhdu li fl-1575 kien hemm oħra eqdem li baqgħet tintuża sa mill-anqas l-1659.


Minħabba l-pożizzjoni tagħha, ix-xogħlijiet ġew maqsuma f’fażijiet. L-ewwel fażi ffukat fuq ir-restawr estensiv tal-kampnar. It-tikħil u t-tiswijiet bis-siment tneħħew u wieħed seta’ jara l-istat tal-ġebla biex jiddetermina x’intervent kien meħtieġ. Xi ftit mill-ġebel kien deterjorat sew u ġie mibdul. It-tieni fażi ħarset lejn il-faċċata u d-dekorazzjonijiet elaborati tal-portiku u fuq il-frontispizju. Dawn ġew imnaddfa sew u d-danni li saru matul iż-żmien ġew imsewwija. It-tielet u l-aħħar fażi kienet dwar ix-xogħlijiet tal-faċċata ta’ Triq il-Kbira billi ġiet imneħħija z-zokklatura tas-siment li kienet ikkawżat bosta ħsara.



Comments


bottom of page