top of page

Jitħabbru l-aħħar dettalji ta’ MUŻIKA MUŻIKA



Il-festival prestiġjuż Mużika Mużika qed jirritorna għat-tielet sena konsekuttiva, bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu li ġej, b’20 kanzunetta oriġinali bil-Malti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti loġistiċi fosthom il-bini tal-palk, il-koordinament tal-provi artistiċi, u teknikalitajiet oħra biex għal darb’oħra dan il-festival ikun wieħed ta’ suċċess.

“Mużika Mużika sar meqjuż bħala wieħed mill-aqwa festivals tal-mużika lokali. Sa mill-ewwel edizzjoni tiegħu kiseb ir-rispett ta’ bosta kantanti, kompożituri, awturi lokali, u saħansitra anke tal-udjenza. Irridu nkomplu ninvestu f’dan il-festival li jservi wkoll bħala pjattaforma fejn l-artisti jesponu t-talenti tagħhom bil-lingwa Maltija li hi tant għażiża għalina, u kif għamilna fis-snin preċedenti, se nkomplu naħdmu qatigħ biex dan il-Festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara sena, u jibqa’ jkun appuntament annwali,” qal il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li, għat-tielet sena konsekuttiva, Festivals Malta qed joffri pjattaforma lil diversi kantanti, awturi u kompożituri lokali. “Mużika Mużika diġà ssupera l-aspettattivi tal-poplu, u Festivals Malta kommess li jkompli jinvesti fih sabiex dejjem inkomplu ntejbu l-prodott artistiku Malti. Nawgura kull suċċess lill-kantanti, lill-kompożituri, l-awturi, u lill-mistiedna speċjali li ser jagħlqu t-tliet serati bi spettaklu mill-isbaħ,” sostna s-Sur Zahra.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala tkellmet fuq is-suċċess u r-rispons posittiv li ta’ kull sena jiġġenera dan il-festival. “Mill-2021, il-festival kiber u żviluppa b’rata mgħaġġla u ntlaqa’ tajjeb ħafna, kemm mill-udjenzi, kif ukoll minn diversi artisti u tekniċi li ta’ kull sena juru l-interess li jkunu parteċipi f’din il-produzzjoni. Li jagħmel dan il-festival tant uniku huwa li joffri pjattaforma mużikali fejn l-ilsien Malti jispikka u jiġi apprezzat permezz ta’ kompożizzjonijiet oriġinali,” sostniet Annabelle Stivala.

Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja stqarr li, “Ir-rispons pożittiv għal dan il-festival jidher ċar, kemm mill-messaġġi fuq il-mezzi soċjali kif ukoll mill-bejgħ tal-biljetti. Din is-sena kellna wkoll żieda fis-sottomissjonijiet, b’total ta’ 149 applikazzjoni, kemm minn artisti stabbiliti kif ukoll dawk emerġenti. Dan huwa prova ċara tal-kalibru għoli li rnexxielu jilħaq Mużika Mużika.”

Id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika Mro Paul Abela qal li bħal kull sena, dan il-festival ser joffri tliet serati ta’ mużika Maltija tal-ogħla livell. Meta tkellem dwar il-kanzunetti li hemm preparati għal din is-sena, huwa sostna li l-istandard tal-kanzunetti qiegħed dejjem jitjieb.

Din l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser tiġi ppreżentata minn Keith Demicoli, Clare Agius, u Moira Delia, tul it-tliet serati. Din is-sena il-festival ser ikun qed jospita lil Kantera, filwaqt li għall-finali bħala mistiedna speċjali ser jospita lil Kurt Calleja u Ira Losco. Apparti minn hekk ser ikun hemm il-perteċipazzjoni ta’ diversi artisti stabbiliti fis-serata tal-klassiċi li ser jidwettaw mas-semifinalisti.

Mużika Mużika ser isir fl-MFCC Ta’ Qali bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu 2023, u ser jixxandar b’mod dirett fuq Television Malta. Għall-biljetti u aktar informazzjoni żur muzikamuzika.mt.





bottom of page