top of page

Jitħabbru d-dettalji tal-Avveniment ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) Jason Micallef ħabbru d-dettalji tal-avveniment ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena li għal darb’oħra se jittella’ fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.

 

“Fadal biss ftit ġimgħat sal-qofol ta’ tmiem is-sena u t-tħejjijiet fil-Belt Valletta għaddejjin ġmielhom sabiex jiżguraw li l-poplu Malti u t-turisti li jżuruna jsellmu s-sena u jagħtu bidu għas-sena l-ġdida b’mod spettakolari,” tenna l-Ministru Bonnici.

 

Huwa ddeskriva l-avveniment ta’ tmiem is-sena bħala l-akbar laqgħa nazzjonali f’dawn il-jiem tal-Milied. “Huwa mistenni li jattendu madwar 50,000 persuna għal dan l-avveniment, fejn se jkollhom prestazzjonijiet ta’ livell għoli minn bosta artisti lokali distinti li ċertament ser jimmarka tmiem mill-isbaħ għas-sena 2023,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Jason Micallef sostna li għal darb’oħra l-VCA se tkun qed ittella’ l-ikbar avveniment lokali bla ħlas ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta. “Inħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għal dan l-avveniment sabiex igawdi minn atmosfera mill-isbaħ ta’ briju u mużika ħalli flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merħba lis-sena l-ġdida,” temm jgħid is-Sur Micallef.

 

Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar se jkunu qed jippreżentaw din is-serata.

 

Dan l-avveniment se jibda b’Lara and the Jukeboys band. Warajhom tkompli The Palace String Orchestra mmexxija minn Ryan Abela flimkien ma’ line up ta’ kantanti lokali, fosthom, AIDAN, Drakard, Klinsmann, Jasmine, Megan May, Sarah Bonnici kif ukoll Emma Muscat bħala mistiedna speċjali.

 

Eżatt qabel il-countdown, il-preżentaturi se jingħaqdu flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy sabiex joffru spettaklu lill-folla fil-Belt Valletta u lil dawk li se jkunu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar sabiex jingħata bidu lis-sena 2024.

 

Iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena huma organizzati minn G7 bi Ftehim ta’ Sħubija għall-Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-VCA fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

 

Żur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-VCA għal aktar informazzjoni.



 

 



bottom of page