top of page

Jirritorna ŻiguŻajg: Il-Festival tal-Arti ta’ Malta għat-tfal u ż-żgħażagħ fil-15-il edizzjoni tiegħu


ree

 

ŻiguŻajg: Il-Festival tal-Arti ta’ Malta għat-Tfal u ż-Żgħażagħ jirritorna għal sena oħra, bi spettakli li se jsiru madwar il-Belt Valletta, l-Birgu u Għawdex. Dan il-festival jinsab fil-15-il edizzjoni tiegħu u se jittella’ mill-14 sat-23 ta’ Novembru 2025.

 

Matul l-aħħar deċennju u nofs, ŻiguŻajg stabbilixxa ruħu bħala pedament tal-kalendarju kulturali ta’ Malta, li joffri produzzjonijiet ta’ klassi dinjija maħluqa speċjalment għat-tfal, għaż-żgħażagħ u għall-familji tagħhom.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-importanza ta’ ŻiguŻajg fit-tiswir tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ artisti u udjenzi: “ŻiguŻajg huwa aktar minn festival; huwa investiment kulturali fit-tfal u fiż-żgħażagħ tagħna. Dan jagħtihom l-opportunità unika li jiskopru modi ġodda ta’ espressjoni u biex joħolqu rabta mas-saħħa trasformattiva tal-arti.”

 

Rupert Cefai, President tal-Fondazzjoni Kreattività, ikkummenta dwar l-impatt fit-tul tal-festival: “Għal ħmistax-il sena, ŻiguŻajg offra lill-udjenzi ta’ etajiet żgħar iċ-ċans li jesperjenzaw il-meravilja tal-ispettaklu dirett. Dan ma joffrix biss divertiment; iżda joħloq mumenti ta’ riflessjoni, ferħ u skoperta li jibqgħu mat-tfal u mal-familji għal żmien twil.”

 

Id-Direttriċi tal-Festival, Marta Vella, spjegat, “Il-programm ta’ din is-sena huwa ċelebrazzjoni tal-kreattività fil-forom kollha tagħha. Billi nerġgħu noffru mill-ġdid l-ispettakli tar-repertorju kif ukoll kummissjonijiet ġodda, l-għan tagħna huwa li noffru lit-tfal u lill-familji esperjenzi li jkattru l-immaġinazzjoniu jispiraw il-kurżità, filwaqt li nkomplu nibnu fuq il-legat ta’ ŻiguŻajg bħala festival iddedikat kompletament għat-tfal u ż-żgħażagħ.”

 

Il-programm tal-2025 jippreżenta varjetà rikka ta’ esperjenzi li jvarjaw mit-teatru, iż-żfin, u l-mużika sa films, wirjiet bil-pupazzi, spettakli ta’ buffi, u l-arti viżwali. Il-familji jistgħu jistennew spettakli għal trabi u tfal żgħar bħal ChasingRainbows u Univers; avventuri maġiċi li jinkludu Cabinet of Miracles u Kinder, u xogħlijiet innovattivi għat-tfal akbar fl-età u ż-żgħażagħ inkluż Uncover|Discover u What’s Missing? Il-Festival jinkludi wkoll il-film rebbieħ ta’ Academy Award Flow bħala parti mill-programm tiegħu.

 

Il-festival jinkludi wkoll għażliet lokali ewlenin bil-Malti, bħal ParammParamm u Anton u l-Għakruxu, flimkien ma’ spettakli divertenti favoriti mal-familji bħal The Complete History of Malta (More or Less) u The CompleteHistory of Europe (More or Less).

 

Il-festival qed ikompli jżomm il-missjoni tiegħu li jpoġġi lit-tfal u liż-żgħażagħ fil-qalba tal-ħajja kulturali ta’ Malta.

 

Il-familji huma mistiedna jingħaqdu maċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-vjaġġ ta’ ħmistax-il sena, wieħed li introduċa ġenerazzjonijiet ta’ udjenzi żgħażagħ għall-ferħ li jġib miegħu l-arti. Għal aktar informazzjoni u biex tibbukkja l-biljetti żur ziguzajg.org.



 
 
 

Comments


bottom of page