top of page

Jirritorna ŻiguŻajg - il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2022


Mit-18 sas-27 ta’ Novembru se jirritorna ŻiguŻajg - il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2022, li joffri programm imżewwaq bl-arti, biż-żfin u b’teatru lest biex jitgawda mill-familja kollha.

Għall-ewwel darba f’sentejn, il-festival qed jikkollabora mhux biss ma’ artisti u ma’ persuni kreattivi lokali, iżda wkoll ma’ dawk internazzjonali. B’hekk, il-festival fassal programm hybrid b’numru ta’ avvenimenti.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-importanza li għandu festival bħal dan biex jagħti l-opportunità lit-tfal u liż-żgħażagħ ileħħnu u jesprimu ħsibijiethom. Qal li dan il-festival se jgħallimhom kif jikkomunikaw b’bosta mezzi speċjali, permezz tal-arti taż-żfin, tad-drama, u tal-mużika. “Biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiżviluppaw, jikkreaw, jaħsbu u jilagħbu, għandhom bżonn l-immaġinazzjoni. It-teatru huwa l-aqwa pjattaforma biex jagħmlu proprju dan, u biex jiskopru l-potenzjal mingħajr limitu tal-immaġinazzjoni u tal-ħiliet tagħhom,” qal Dr Bonnici.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal li l-festival serva kemm bħala sors kbir ta’ divertiment, u iktar importanti, bħala sors ta’ tagħlim għal udjenzi ta’ diversi etajiet. Huwa żied li, “Kien għalhekk li l-programm ta’ skejjel diġitali tmexxa iktar ’il quddiem, minħabba li wera li huwa dejjem iktar konvenjenti għal numru ta’ skejjel u ta’ studenti biex jingħaqdu u jipparteċipaw fid-divertiment mingħajr ma jkollhom iħallsu spejjeż żejda. B’hekk, iżjed tfal qed ikomplu jinvolvu ruħhom fl-arti u jibbenefikaw minnha matul il-ħajja ta’ kuljum tagħhom.”

Id-Direttur tal-festival Marta Vella qalet li l-programm ta’ din is-sena huwa mibni madwar dak li ŻiguŻajg huwa magħruf għalih: l-eċċellenza artistika, l-immaġinazzjoni u l-kreattività. Hija sostniet li, “Minn żewġ musicals oriġinali għal kitbiet ġodda bil-Malti, il-festival ta’ din is-sena għandu jkun wieħed ta’ suċċess. Barra minn hekk, fil-ħidma kontinwa għat-titjib ta’ dan il-festival, għall-ewwel darba ŻiguŻajg qed jieħu ħsieb l-ispettakli tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li se jittella’ fl-MFCC, Ta’ Qali, mit-23 sas-27 ta’ Novembru.”







bottom of page