top of page

JIRRITORNA MALTA FASHION WEEK

Kitba meħuda mill-Orizzont (L-Erbgħa 20 ta’ Lulju 2022) paġna numru 14 .


Se jerġa’ jirritorna Malta Fashion Week fil-Belt Valletta, fuq it-terazzin ta’ Dar il-Mediterran li jagħti għal fuq il-Port il-Kbir. Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, dan l-avveniment se jerġa’ jkun qiegħed jinqasam fuq tlitt ijiem, mill-20 sat-22 ta’ Lulju 2022.


Matul dawn il-ġranet, dawk li se jattendu se jkunu jistgħu jaraw x’għandha x’toffri l-industrija tal-moda u jkunu jistgħu jesploraw kollezzjonijiet ġodda, kemm minn disinjaturi lokali stabbiliti, kif ukoll minn dawk ġodda. Se jkun hemm ukoll mistiedna d-disinjatriċi famuża Ukrena Nadya Dzyak.


Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie mniedi dan l-avveniment, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kemm il-kultura hi dinamika u taf toħloq diversi opportunitajiet li jkopru n-niċeċ kollha tal-ekonomija kreattiva. Huwa stqarr li dan l-avveniment isaħħaħ il-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, filwaqt li sostna li, id f’id mas-settur privat, il-gvern huwa determinat li jagħti aktar pjattaformi għat-talent lokali. “Aħna se nkomplu naħdmu biex nattiraw u ntellgħu avvenimenti kulturali ta’ skala kbira f’pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.


Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li, “Dan huwa reklam tat-talent ħaj u vibranti li għandhom il-Maltin f’dan is-settur. Irridu napprezzaw li jeżistu niċeċ turistiċi proprju mmirati għalhekk. L-għan tagħna jibqa’ li permezz tal-kontribut mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nkunu ta’ sostenn biex il-prodott turistiku lokali jibqa’ jkun wieħed iddiversifikat u ta’ kwalità.”


Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef sostna li avvenimenti ikoniċi bħal dawn ikomplu jpoġġu lill-Belt Valletta fuq il-mappa internazzjonali u juru dak kollu li l-belt kapitali għandha x’toffri bħala l-aqwa post għall-avvenimenti kulturali u artistiċi ta’ livell għoli.


L-avveniment se jiftaħ bid-disinjatur mill-Afrika t’Isfel Ferreira Couture, segwit mid-ditta l-ġdida lokali tal-ilbies tal-għawm Bajja. L-ewwel lejl imbagħad se jkun qed jintemm bi sfilata minn Parascandalo, li din is-sena hija t-tmien sena konsekuttiva li din id-ditta qed tieħu sehem f’Malta Fashion Week.


It-tieni jum imbagħad jiftaħ b’mistednin mis-Serbja bl-isem ta’ Morfium, segwiti minn Blakkript, disinjatur lokali li jirritorna għat-tieni sena f’Malta Fashion Week. Is-serata mbagħad tintemm permezz tal-artist u disinjatur James Dimech, li se jkun qiegħed jippreżenta lbiesi tal-moda magħmulin mill-karti.


Fit-tielet jum se tkun qed tieħu sehem id-ditta lokali Gagliardi, segwita minn Nadya Dzyak mill-Ukrajna. Is-serata u l-avveniment innifsu mbagħad se jkunu qed jagħlquh id-duo lokali Charles &Ron.


Malta Fashion Week 2022 hu organizzat minn Adrian J Mizzi, bl-appoġġ ta’ Ftehim ta’ Sħubija għall-Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u bl-appoġġ ukoll tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu.


bottom of page