top of page

JINTEMMU Ċ-ĊELEBRAZZJONIJIET TAS-SENA L-ĠDIDA ĊINIŻA

Kitba meħuda mill-Orizzont (| It-Tlieta 7 ta’ Frar 2023) paġna numru 14



Il-Ħadd, 5 ta’ Frar, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, ippreżenta kunċert ta’ mużika klassika u Ċiniża. Dan l-avveniment li seħħ fil-ħmistax-il jum tal-ewwel xahar tal-kalendarju lunari Ċiniż, magħruf bħala l-Festival tal-Fanali, ġab fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida Ċiniża, imsejjħa wkoll bħala l-Festival tar-Rebbiegħa.


Waqt l-indirizz tiegħu lill-udjenza, l-E.T. Yu Dunhai, Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, qal li l-Festival tar-Rebbiegħa jmur lura eluf ta’ snin u huwa l-aktar festival importanti fiċ-Ċina. Hekk kif jiċċelebra l-għaqda, l-istabbiltà u l-paċi, dan il-festival joħroġ xebħ fundamentali fost il-poplu Ċiniż u Malti li dejjem għożż dawn il-karatteristiċi. Yu kien sodisfatt ferm li l-programm tas-Sena l-Ġdida Ċiniża ntlaqa’ tajjeb fost il-Maltin. Huwa nnota li festival li oriġina fiċ-Ċina, issa sar fenomenu kulturali madwar id-dinja.


Filwaqt li wassal l-awguri tiegħu għas-Sena l-Ġdida Ċiniża, l-On. Dr Owen Bonnici, Ministru għall-Wirt Nazzjo nali, l-Arti u l-Gvern Lokali, qal li ċ-ċelebrazzjoni ta’ sena ġdida hija avveniment li ġġib ferħ, sens ta’ avventura u sens ta’ fraternità. Minkejja li Malta u ċ-Ċina huma daqshekk il-bogħod ġeografikament, iż-żewġ popli rnexxielhom jibnu rabta b’saħħitha bbażata fuq il-fraternità u l-frankezza li missirijiethom sawwru flimkien aktar minn ħamsin sena ilu. Huma dawn l-istess kwalitajiet li għadhom qed jiggwidaw liż-żewġ popli llum f’din id-dinja globali ġdida u differenti.


Mme. Yuan Yuan, Direttur taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta stqarret li filwaqt li dan il-kunċert kien qed jimmarka t-tmiem tal-festi tas-Sena l-Ġdida Ċiniża, fl-istess ħin kien qed jiċċelebra wkoll bidu ġdid u jispirana biex inħarsu ’l quddiem lejn sena ġdida promettenti. Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta sejibqa’ impenjat biex f’din is-sena l-ġdida jippromwovi avvenimenti kulturali ta’ kwalità għolja li jkunu ta’ benefiċċju għall-fehim reċiproku u għar-rabtiet ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ popli tagħna.



Comments


bottom of page