top of page

Jinstabu fdalijiet ta’ nymphaeum f’parti mill-Palazz tal-Gran Mastru


Hekk kif kompla għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fil-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru, instabu fdalijiet ta’ nymphaeum li sekli ilu kien fil-ġnejna tal-larinġ ta’ dan il-Palazz. Il-pubbliku se jkun jista’ jara dawn il-fdalijiet meta jitlesta l-proġett, filwaqt li jgawdi wkoll xi skulturi li kienu jżejnu l-ambjent tan-nymphaeum.

Dan sar magħruf waqt żjara li l-President ta’ Malta George Vella għamel fil-Palazz tal-Gran Mastru biex jara x-xogħlijiet fil-proġett ta’ restawr li Heritage Malta qed twettaq fil-Palazz. Jakkumpanjawh kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett. Huma ddawru mal-post mill-ogħla uffiċjali ta’ Heritage Malta.

Dawk preżenti raw ukoll il-progress li sar fix-xogħlijiet fl-inħawi fejn oriġinarjament kien hemm ġnejna tal-larinġ magħrufa bħala L’Orangerie. Din kienet inħolqot fis-seklu 17 biex tipprovdi d-dell fis-sajf u sservi bħala serra għax-xtieli u s-siġar tal-frott matul ix-xitwa. Fiha kien hemm nymphaeum u funtana, li maż-żmien kellhom iċedu posthom għall-bidliet strutturali li twettqu.

Grazzi għall-istħarriġ arkeoloġiku li sar, instabu l-fdalijiet tan-nymphaeum u tal-mezzi li kienu jwasslu l-ilma sal-funtana. Instabu wkoll xi skulturi li kienu jsebbħu n-nymphaeum, li kienu tneħħew mill-post fis-seklu 18 u baqgħu maħżuna sal-lum.

Fit-totalità tiegħu, il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru hu stmat li se jiswa madwar €28 miljun. L-ewwel fażi tal-proġett qed tiġi kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għas-somma ta’ €10 miljun. L-ewwel fażi mistennija titlesta sa tmiem din is-sena.

Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema ta’ Heritage Malta għall-ħidma tagħhom favur binjiet storiċi. “Proġetti bħal dawn ikomplu juru biċ-ċar l-impenn tal-Gvern lejn il-wirt kulturali. Ir-restawr ta’ binjiet storiċi huwa essenzjali biex uliedna u dawk li jżuruna jkunu jistgħu jgawdu dak li ħallewlna missirijietna,” qal il-Ministru. Żied jgħid li dan il-proġett ta’ restawr se jingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti oħra, bħar-restawr tal-Forti Sant Anġlu u l-MUŻA li Heritage Malta wettqet b’suċċess matul is-snin, li komplew jivvalorizzaw bil-kbir il-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-ewwel fażi tal-proġett, li tiswa €10 miljun, qed tiġi kofinanzjata minn fondi Ewropej u fil-fatt €8.4 miljun huma fondi ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. “Permezz tal-fondi Ewropej, qegħdin inwettqu proġett ieħor ta’ restawr li se jkompli jkabbar il-ġmiel tal-Palazz tal-Gran Mastru u jagħtih lura l-ġieħ li jistħoqqlu,” qal Dr Bonett. Żied jgħid li jħares ’il quddiem biex mill-programm il-ġdid ta’ fondi Ewropej pajjiżna jkun jista’ jkompli jwettaq proġetti bħal dawn li jservu ta’ attrazzjoni għat-turisti.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit radd ħajr lill-ħaddiema kollha li qed jimplimentaw dan il-proġett u faħħar il-ħiliet tal-ħaddiema ta’ Heritage Malta, li f’idejhom hu fdat ħafna mix-xogħol involut biex il-Palazz jingħata lura l-ġieħ u d-dinjità li jistħoqqlu. Huwa qal li dan hu proġett ieħor ta’ Heritage Malta li jwettaq b’mod konkret il-missjoni tal-aġenzija li tpoġġi lill-klijent fil-qalba tal-operat kollu tagħha.





bottom of page