top of page

Jiġu ffirmati ħames konvenji oħra biex jiġu salvagwardati iktar każini tal-banda f’riskju ta’ żgumbrament




 

 

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali daħal f’konvenju mas-sidien ta’ ħames proprjetajiet oħra użati minn soċjetajiet mużikali differenti li qed jiffaċċjaw riskju imminenti ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali tal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

 

L-għan ta’ dawn il-konvenji hu li l-gvern jixtri dawn il-proprjetajiet sabiex b’hekk jiġu salvati dawn is-soċjetajiet mużikali u l-istess proprjetajiet ikunu jkomplu jistgħu jiġu użati bħala s-sede prinċipali tal-każini tal-banda b’titolu ġdid ta’ kera ġusta favur il-gvern. 

 

Dawn il-ħames binjiet jingħaqdu ma’ lista ta’ sitt binjiet oħra mħabbra aktar kmieni f’Marzu ta’ din is-sena, biex issa tela’ għal 11 l-ammont totali ta’ soċjetajiet mużikali li qed jiġu salvagwardati u salvat il-futur tagħhom b’dan l-intervent deċiżiv tal-gvern.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li l-ħidma li qed issir biex jiġu salvati l-każini tal-baned li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament tieħu importanza ikbar fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija hija issa meqjusa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO. 

 

Huwa saħaq li b’dawn l-akkwisti l-gvern se jkun aġixxa korrettament kemm mas-sidien kif ukoll mas-soċjetajiet infushom. Il-Ministru Bonnici qal li fil-mument tal-akkwist, dawn il-proprjetajiet se jingħaqdu mal-portafoll ta’ proprjetajiet li huma lkoll sede ta’ soċjetajiet mużikali li qed jiġu amministrati minn sezzjoni speċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti. 

 

Din il-ħidma hija konformi ma’ waħda mill-għanijiet tal-Istrateġija tal-ACM għall-2025, dik li tinvesti u titrawwem espressjoni artistika u kulturali diversa filwaqt li jiġu protetti wkoll it-tradizzjonijiet ta’ Malta. “Ninsabu kommessi li nipproteġu l-każini tal-baned minħabba l-importanza soċjali u kulturali kbira tagħhom u rridu nsaħħu l-kontribut tagħhom għal soċjetà iktar kreattiva u inklussiva”, spjega Dr Bonnici.

 

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti hi li l-promozzjoni u t-twassil ta’ opportunitajiet immexxija mill-komunità li jippermettu l-involviment fl-arti u fil-kultura, u bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva, il-Kunsill qed ikun strumentali biex jitwasslu għat-twettiq ta’ proġett ambizzjuż u ta’ fejda għall-ħarsien ta’ ħidma kulturali prezzjuża.

 

L-investiment li l-gvern se joħroġ għall-akkwist ta’ dawn il-ħames proprjetajiet fil-mument li dawn il-konvenji jimmaturaw f’kuntratti huwa ta’ €10,397,000. Dan l-ammont jingħaqad mal-ammont ta’ €5.8 miljun, rappreżentanti l-akkwist tas-sitt binjiet li tħabbru iktar kmieni f’Marzu ta’ din is-sena.

 

Il-konvenji ġew iffirmati fuq il-proprjetajiet li ġejjin:

 

- Soċjetà Filarmonika Santa Marija – il-Mosta

- Soċjetà Filarmonika San Pietru fil-Ktajjen – Birżebbuġa

- Każin Banda 12th May – Ħaż Żebbuġ

- Soċjetà Sant'Andrija – Ħal Lija

- Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught's Own – Birkirkara

 

Dawn jingħaqdu mas-segwenti proprjetajiet li l-gvern diġà daħal fi ftehim mas-sidien relattivi iktar kmieni din is-sena:

 

Għaqda Mużikali Maria Reġina – il-Marsa

Għaqda Mużikali Stella Levantina – Ħ’Attard

Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja – il-Kalkara

Għaqda Soċjo-Mużikali Anici – Ħal Qormi

 

Fil-każ ta’ żewġ proprjetajiet oħra, jiġifieri dik tal-Banda Stella Maris (Sliema) u tal-Banda Antoine de Paule (Raħal Ġdid), il-proċess huwa finalizzat.

 


bottom of page