top of page

Jiftaħ il-‘Valletta Green Festival’ – legat ieħor ta’ Valletta 2018 li qed jitkompla



Is-sitt edizzjoni tal-Valletta Green Festival infetaħ dalgħodu fil-Belt Valletta mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef u ċ-Chairman tal-ELC Peter Calamatta. Il-festival, li qed jiġi organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA), u li jifforma parti mill-legat tal-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, se jibqa’ għaddej sal-Ħadd, 12 ta’ Mejju sat-8pm.


Il-Ministru Bonnici stqarr li, “dan huwa wieħed mill-avvenimenti li jiffurmaw parti mil-legat ta’ Valletta 2018. Dan il-festival huwa milqugħ u maħbub mill-membri tal-pubbliku, speċjalment minħabba li dan iżid l-għarfien fuq l-fatt li l-arti u l-kultura verament jinsabu f’ħafna aspetti u elementi differenti madwarna. Apparti dan kollu, il-Valletta Green Festival ikompli jsaħħaħ l-istrateġija tagħna biex nagħmlu dan is-settur aktar aċċessibbli għal kulħadd.”


Bħall-edizzjonijiet preċedenti, il-festival jittrasforma wieħed mill-akbar spazji miftuħa fil-Belt Valletta, Pjazza San Ġorġ, b’installazzjoni kkulurita magħmula minn 190,000 fjura. Din is-sena, l-infiorata għandha messaġġ li jqajjem kuxjenza fuq il-periklu tal-plastik single-use u l-impatt li jkollu dan fuq id-dinja tagħna. Din is-sena, l-infiorata se tkun qed turi l-isbuħija tal-art u l-baħar tagħna, u skart li nġabar minn madwar il-ġżira se jintuża sabiex juri r-realtà ħarxa tat-tniġġis li noħolqu kuljum. Skont il-World Bank, il-bnedmin jiġġeneraw 2.01 biljun tunnellata ta’ skart fis-sena – madwar 3.83 tunnellata kull persuna fis-sena, b’popolazzjoni dinjija ta’ 7.7 biljun ruħ – li ħafna minnu jispiċċa fil-baħar. Skont Ocean Cleanup, il-Great Pacific Garbage Patch, l-ikbar żona fil-baħar minn ħamsa mimlija skart, issa hi t-triplu tal-kobor ta’ Franza.


“Il-ministeru tiegħi ilu jipparteċipa f’dan il-green festival  sa mill-bidu tiegħu, peress li dan il-festival jgħin biex titqajjem aktar kuxjenza ambjentali. It-tema tal-infiorata ta’ din is-sena, li hija relatata mal-ibħra u l-art tagħna, hija ta’ importanza ambjentali kbira peress li qiegħda wkoll tinkludi l-aspett ta’ marine litter li l-ministeru tiegħi qed jaħdem fuqu u ser iniedi kampanja fuqu fil-ġimgħat li ġejjin. Qed nipparteċipaw fil-Valletta Green Festivalpermezz tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Wasteserv u Ambjent Malta. L-ERA se tqajjem kuxjenza dwar il-kwalità tal-arja; dwar il-kummerċ illegali ta' endangered species; marine litter; speċi aljeni invażivi u l-bijodiversità, fost affarijiet oħra. Il-Wasteserv se tiffoka prinċipalment fuq il-kampanja Sort It Out, inkluż l-iskart organiku u l-proġett tal-Blue Islands. Filwaqt li Ambjent Malta se tqajjem kuxjenza dwar is-siġar u l-arbuxxelli; il-proġetti li qed jaħdmu fuqhom bħalissa il-valley management u l-proġetti ta’ afforestazzjoni”, qal il-Ministru Herrera.


Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal, “l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tkompli x-xogħol tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Il-Valletta Green Festival, l-ewwel proġett fil-programm tagħna, dejjem ikun mistenni min-nies. Din is-sena, irridu nqajmu iktar kuxjenza fuq il-metodu billi apparti li nużaw fjuri biss fl-infiorata, qed nużaw ukoll plastik li nġabar mill-ibħra tagħna biex nuru l-impatt li l-iskart għandu fuq l-ambjent.”

Diversi għaqdiet non-governattivi, WasteServ Malta Ltd., il-Konsorzju ELC, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta se jkunu preżenti tul il-festival billi jippreżentaw tagħrif dwar l-ambjent.


Nhar is-Sibt, 11 ta’ Mejju, il-band SterjoTipi se tkun qed iddoqq minn Misraħ il-Ħelsien, u tkompli nieżla Triq ir-Repubblika u tispiċċa f’Pjazza San Ġorġ bi preżentazzjoni mużikali brijuża.


Wara tmiem il-festival, il-pjanti se jingħataw lill-komunitajiet lokali u l-qsari li jifdal se jingħataw lura lill-ELC biex jerġgħu jintużaw.


Bħala legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) se tkun responsabbli biex issostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali fil-Belt Valletta billi toħloq programm annwali mimli attivitajiet kreattivi, żviluppati flimkien ma’ artisti u entitajiet pubbliċi kulturali oħra.


Il-Valletta Green Festival hu proġett tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), il-Konsorzju ELC, Ambjent Malta, WasteServ Malta Ltd, u diversi għaqdiet non-governattivi.



bottom of page