top of page

Jibdew xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni u restawr fuq binja tal-Gvern fil-Birgu bil-għan li tilqa’ fiha tliet appartamenti

5 days ago
1 min read

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar binja tal-Gvern preżentament abbandunata fil-Birgu, li fuqha se jinbeda xogħol ta’ restawr li se jwassal biex tiġi mibdula fi tliet appartamenti. Dawn l-appartamenti la jitlestew se jiżdiedu mal-istock ta’ Housing units u se jintużaw għal skop ta’ akkomodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar.

 

Din id-dar tinsab f’6 u 7, Triq l-Antika, il-Birgu u se tara investiment ta’ €730,000.

 

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Bonnici qal li l-Ministeru qed jaħdem biex diversi proprjetajiet tal-Gvern li kienu ilhom snin abbandunati jingħataw ħajja ġdida u jerġgħu jintużaw għall-iskop ta’ akkomodazzjoni soċjali.

 

Huwa sostna li interventi bħal dawn huma importanti biex jitħares il-wirt arkitettoniku tal-lokalitajiet tagħna, filwaqt li jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni u jitjiebu l-ambjenti u s-sigurtà tal-binjiet.

 

F’Diċembru tal-2025, il-binja ġarrbet kollass fil-ħajt tal-parapett kawża ta’ maltempata. Wara li nkisbu l-permessi relattivi, setgħu jibdew ix-xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni fuq il-parti tal-binja li ġarrbet l-aktar ħsarat estensivi.

 

Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Projects Solutions, il-Perit Thomas Tanti, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa u l-Viċi Sindku tal-Birgu Jason Vincent Portelli.



 
 
 

Comments


bottom of page