top of page

Jibdew ix-xogħlijiet ta’ restawr tal-Kappella tal-Lunzjata fis-Siġġiewi



Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li bdew ix-xogħlijiet ta’ restawr u l-konsolidazzjoni taħt l-art tal-kappella storika tal-Lunzjata, fiż-żona magħrufa bħala Tal-Għolja tas-Siġġiewi, b’investiment ta’madwar €1.4 miljun.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici spjega li din il-kappella tal-Lunzjata bħalissa qed tiffaċċja r-riskju imminenti ta’ kollass, primarjament minħabba sfidi ġeoloġiċi u ġeomorfoloġiċi assoċjati mat-terren sottostanti tagħha. Wara talba mill-komunità tas-Siġġiewi sabiex isir dan l-intervent u wara li saru l-istudji kollha meħtieġa bil-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi, dan l-intervent se jkun qed jibda minnufih.

“Dan il-proġett ta’ restawr u konsolidazzjoni jimmarka mument importanti fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali u storiku ta’ Malta. Dan juri l-impenn kemm tal-gvern kif ukoll tal-Arċidjoċesi ta’ Malta biex jissalvagwardjaw il-wirt ta’ din il-kappella għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li r-restawr u l-preservazzjoni tal-wirt storiku lokali huma ta' importanza kbira. “Il-preservazzjoni tal-wirt kulturali u l-promozzjoni tal-importanza tas-sostenibbiltà jgħinu biex tinżamm l-identità ta' pajjiżna kemm għall-ġenerazzjonijiet futuri kif ukoll għall-qasam ekonomiku u prodott turistiku b’saħħtu”.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech esprima sodisfazzjon għal dan il-proġett li permezz tiegħu se jippreserva dan is-sit li huwa ta’ importanza fl-istorja kulturali u patrimonjali tal-lokalità tas-Siġġiewi.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal, “Wara li saru l-istudji ġeoloġiċi neċessarji madwar il-kappella, kif ukoll rapporti tekniċi dwar iċ-ċaqliq fil-blat, issa ser jinbeda x-xogħol delikat ta' restawr tal-kappella bil-għan li terġa’ tibda tintuża.” Huwa rringrazzja lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali kif ukoll lid-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni li kienu strumentali biex jibda dan il-proġett.

Il-Perit Ivana Farrugia mid-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni, spjegat li, “L-ewwel prijorità f’dan il-proġett huwa li l-kappella jkollha sistema ta’ pedamenti strutturali taħt l-art komposta minn travi rinfurzati, munzelli u ankri sabiex jiġi evitat li jkun hemm saffi tal-ħamrija instabbli. Wara dan l-intervent ġeotekniku delikat imbagħad se nipproċedu bix-xogħlijiet sabiex nindirizzaw ir-restawr tal-istruttura tal-knisja.”

Dan il-proġett huwa riżultat ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn id-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni u l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena 2024.

Il-Kappella tal-Lunzjata għandha storja rikka, bil-kappella oriġinali tmur lura lejn l-aħħar tas-seklu 15. Matul is-sekli, din il-kappella għaddiet minn bosta tiswijiet, rikostruzzjonijiet parzjali, estensjonijiet u alterazzjonijiet.







bottom of page