Jibda x-xogħol ta’ restawr f’Villa Guardamangia
- Owen Bonnici Team

- Sep 28
- 3 min read

Jingħata bidu għax-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni, restawr u konservazzjoni f’Villa Guardamangia, fejn il-Prinċipessa Eliżabetta, li wara saret ir-Reġina Eliżabetta II, u l-Prinċep Filippu, għexu għal perjodi bejn l-1949 u l-1951.
Il-proġett ta’ Villa Guardamangia mistenni jieħu madwar tliet snin biex jitlesta u hu stmat li se jiswa ftit iżjed minn €12-il miljun, li aktar minn €10 miljun minnhom se jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Fl-okkażjoni ta’ din il-fażi ġdida fil-proġett ta’ Villa Guardamangia, li segwiet fażi ta’ preparazzjoni u ppjanar, żaru s-sit il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi. Huma ddawru mal-villa mill-management ta’ Heritage Malta.
Il-Ministru Owen Bonnici rrimarka, “Dan hu pass ieħor importanti biex il-wirt storiku tagħna li għandu wkoll impatt internazzjonali fid-dawl tar-rabta mal-familja Rjali Ingliża jkompli jiġi mħares u jitgawda.” Huwa qal li dan il-proġett hu biss wieħed minn iktar minn 40 proġett ta’ restawr ta’ natura differenti u varji u dan juri impenn serju biex jagħtu valur ġdid lill-istorja tagħna bħala poplu. Dr Bonnici saħaq li l-proġett tar-riabilitazzjoni ta’ Villa Guardamangia jista’ jitqies bħala wieħed uniku għaliex kien bis-saħħa tal-għaqal tal-Gvern li l-Villa nxtrat mingħand il-privat, saru l-applikazzjonijiet meħtieġa għall-fondi Ewropej u issa qed juru impenn serju biex dan il-proġett jitlesta għat-tgawdija tal-poplu Malti u t-turisti li jżuruna.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, sostna li l-proġett ta’ Villa Guardamangia huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej, meta jintużaw b’mod strateġiku, jistgħu jġibu magħhom valur miżjud soċjali, kulturali u ekonomiku. Huwa spjega li aktar minn €10 miljun mill-investiment qed jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li dan l-appoġġ se jippermetti li sit storiku li kien ilu mitluq għal snin twal jinbidel f’attrazzjoni kulturali ħajja u sostenibbli. Dr Zrinzo Azzopardi żied jgħid li b’investiment bħal dan, il-Gvern mhux biss qed jippreserva l-passat iżda qed joħloq opportunitajiet ġodda għall-edukazzjoni, it-turiżmu u l-komunità kollha kemm hi.
Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal li r-restawr ta’ Villa Guardamangia jkompli jixhed l-impenn ta’ Heritage Malta lejn l-aċċessibilità u lejn il-ħtieġa li tiżgura li l-pubbliku jħossu ħaġa waħda mal-wirt kulturali tagħna. Dan il-patrimonju mhux biss l-artefatti fil-mużewijiet jew id-dokumenti storiċi iżda hu wkoll il-memorja kollettiva tan-nazzjon u binjiet qodma li n-nies għadhom jiftakruhom bħala residenzi tal-passat. Ladarba Villa Guardamangia terġa’ tingħata l-ħajja, indirizz li għal sekli sħaħ kien il-privileġġ tal-ftit isir parti mill-patrimonju ta’ kulħadd.
Fost xogħol ieħor, ġew mirfuda partijiet mill-faċċata li kienu f’periklu imminenti li jaqgħu, u ssaħħew partijiet oħra tal-binja biex titwaqqaf il-ħsara li kienet qed issir. Sar ukoll stħarriġ arkitettoniku dettaljat tal-proprjetà kollha u tneħħew tunnellati ta’ materjal tal-bini u materjal ieħor. Statwi tal-ġebel li kienu jżejnu l-ġnien, kif ukoll appliances domestiċi li kienu jintużaw fil-villa fis-snin 40 u 50, ġew ikkonservati minn Heritage Malta wara snin ta’ abbandun. Skemi dekorattivi mpinġijin fuq il-ħitan inkixfu biex ikunu jistgħu jiġu restawrati.
Inġabar ukoll tagħrif dwar fatturi ambjentali bħas-sħana u l-umdità fil-villa biex jiggwida deċiżjonijiet futuri. Saret riċerka estensiva dwar l-istorja tal-binja, min kienu s-sidien tagħha, u l-arredamenti tagħha matul is-snin. Heritage Malta ġabret ukoll ix-xhieda diretta ta’ nies li għexu fil-villa qabel u wara li għexet fiha l-koppja rjali, kif ukoll ta’ oħrajn li ħadmu fiha jew kienu jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-koppja rjali.
Villa Guardamangia tikkonsisti fi 18-il kamra, stalel, xelter taħt l-art u ġnien kbir. Ix-xogħlijiet se jikkonsistu f’restawr kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra tal-villa u se jinkludu l-installazzjonijiet meħtieġa biex il-binja tiffunzjona b’mod li jkun sostenibbli mil-lat ta’ ħarsien tal-ambjent.
L-esperjenza ta’ Villa Guardamangia meta jitlesta r-restawr se tiffoka fuq l-aspett uman u s-sens ta’ normalità li l-koppja rjali gawdiet b’għożża tul il-perjodi li qattgħet fil-villa. Se jerġa’ jinħoloq l-ambjent tal-villa kif kien fis-snin 50, biex tkun tista’ tiġi offruta lill-viżitatur esperjenza ta’ dar storika tal-perjodu. Wirja żgħira u dokumentarju se jgħinu lill-pubbliku jifhem ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-familja rjali tul is-sekli, kif ukoll il-kuntest storiku kolonjali li fih il-koppja rjali ġiet Malta f’nofs is-seklu 20.







Comments