top of page

Jibda uffiċjalment ŻiguŻajg: il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2022




Illum ingħata bidu għat-12-il edizzjoni ta’ ŻiguŻajg: il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Il-festival se jinkludi produzzjonijiet li jinvolvu t-teatru, iż-żfin kif ukoll l-arti viżiva u l-musicals, u għalhekk se jkun hemm varjetà ta’ forom ta’ arti li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.


Il-patruna ta’ ŻiguŻajg Dr Lydia Abela qalet li l-programm għal din is-sena kompla jikber fil-kontenut artistiku. Hija qalet li l-arti u l-kultura jagħtuna l-identità tagħna u permezz ta’ dan il-festival, sa minn età żgħira, qed inqarrbu lit-tfal lejn l-arti u l-kultura. Dr Abela sostniet li l-arti għandu jkollha rwol kruċjali fl-iżvilupp personali tat-tfal u fl-edukazzjoni tagħhom u permezz ta’ ŻiguŻajg, it-tfal qed ikollhom aċċess għall-arti.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfassiza l-importanza li għandu festival bħal ŻiguŻajg, għax mhux biss joffri l-opportunità lill-ġenerazzjoni tal-lum biex tkun esposta għas-sbuħija tal-arti, iżda jħalli impatt fuqha fuq livell mentali, emozzjonali u edukattiv. “Dawn l-ispettakli se jmissu l-qlub tal-udjenzi żgħar tagħna li se jġorru l-esperjenzi u t-tagħlim li ħadu bħala gwida tul il-ħajja ta’ kuljum tagħhom,” ikkonkluda Dr Bonnici.


Iċ-Chairman ta’ Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai, kompla jżid ma’ dan u qal li l-importanza ta’ festival bħal dan tintwera wkoll mill-ispirazzjoni li jagħti lill-ġenerazzjonijiet futuri. Qal li uħud mit-tfal li llum qegħdin fl-udjenza, jistgħu jkunu l-artisti futuri tagħna li, bl-istess mod, jistgħu jkomplu joħolqu iktar arti għal dawk li se jiġu warajhom u b’hekk, joħolqu tip ta’ katina ta’ reazzjonijiet.


Id-Direttur tal-Festival ta’ ŻiguŻajg, Marta Vella, sostniet li wara sentejn li ġabu magħhom bidliet, adattamenti, u inċertezzi, il-festival reġa’ ħa l-ħajja. Hija spjegat li l-festival jikkonsisti f’mhux inqas minn 17-il avveniment fosthom teatru, kunċerti, musicals u arti viżiva. Dawn il-forom tal-arti kollha se jikkontribwixxu għall-esperjenzi tal-udjenzi b’modi differenti u se jkomplu jkabbru l-imħabba ta’ kulħadd lejn l-arti u l-kreattività.


ŻiguŻajg: il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2022 se jittella’ mit-18 sas-27 ta’ Novembru 2022. Għal aktar informazzjoni jew biljetti tista’ żżur is-sit www.ziguzajg.org.








bottom of page