Jibda r-restawr tal-faċċati tal-Kunvent u l-Knisja ta’ Santa Margerita f’Bormla
- Owen Bonnici Team
- May 8
- 2 min read

Ingħata bidu għall-proġett ta’ restawr tat-tliet faċċati tal-Kunvent ta’ Santa Margerita u se jinkludi wkoll il-faċċata prinċipali tal-knisja u l-kunvent. B’investiment ta’ €335,000 dan il-proġett huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ Lulju 2025.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, waqt iż-żjara tiegħu fuq il-post, qal: “Dan il-proġett ta’ restawr huwa pass importanti biex nipproteġu u nippreservaw il-wirt storiku tagħna għal ġenerazzjonijiet futuri. Il-Kunvent ta’ Santa Margerita għandu storja twila li tibda mill-1726, u matul is-snin serva bħala spazju importanti għall-komunità reliġjuża.”
“Dan ir-restawr huwa investiment fil-konservazzjoni tal-istorja tagħna. Bini bħal dan mhux biss għandu valur arkitettoniku, imma wkoll valur kulturali u spiritwali li jirrakkonta kapitlu importanti mill-passat tagħna. Xogħlijiet bħal dawn jgħinu biex insaħħu l-identità storika ta’ pajjiżna u noħolqu ambjent aktar sabiħ għall-Kottonera,” stqarr il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret il-ħidma li qed titwettaq fuq dan il-proġett mid-Direttorat għar-Restawr u l-Preservazzjoni u l-Fondazzjoni Kottonera. “Permezz ta’ dan ir-restawr il-lokalitajiet tagħna qegħdin iżommu u jippreservaw il-preġju tagħhom, mhux biex jitgawda issa biss, iżda wkoll biex dan il-wirt kulturali jibqa' jiġi apprezzat minn ġenerazzjoni għall-oħra,” stqarret is-segretarju parlamentari.
Ix-xogħlijiet kollha, mill-istadju tad-dokumentazzjoni tas-sit sas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-permess mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-ħruġ u l-għoti tal-kuntratt tat-tender, ġew imwettqa mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Konservazzjoni. Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-post qed jitwettqu minn kuntrattur privat li issottometta l-offerta rebbieħa u se jsiru taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Konservazzjoni.
Il-Perita nkarigata mix-xogħlijiet, Roberta Mallia, spjegat li l-interventi li qed isiru jinkludu t-tindif tal-faċċati minn tkabbir bijoloġiku, qoxra sewda u depożiti superfiċjali oħra, it-tneħħija ta’ kisi, kif ukoll it-tneħħija ta’ ġebel fraġli. Barra minn hekk, qed isiru tiswijiet u/jew sostituzzjonijiet ta’ ġebel iddeterjorat, rinfurzar u konsolidazzjoni strutturali ta’ elementi tal-ġebel li għandhom ħsara. Kif ukoll se jsir restawr tal-aperturi tal-injam u tal-metall.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm iċ-Chairperson tal-Kottonera Foundation Joe Mizzi u s-Sindku ta’ Bormla Marco Agius, u membri tal-Kunsill Lokali ta’Bormla.
Comments