Jaslu fi tmiemhom interventi ta’ konsolidament u restawr fuq it-Torri Storiku ta’ Għajn Tuffieħa
- Owen Bonnici Team

- Oct 27, 2025
- 2 min read

Tlesta x-xogħol ta’ konsolidament u restawr fuq it-Torri ta’ Għajn Tuffieħa mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni u b’hekk qed tingħata ħajja ġdida lil dan it-Torri li kien inbena fl-1637 u li kien wieħed mis-sensiela ta’ torrijiet kostalimibnija fi żmien il-Gran Mastru Lascaris bil-għan li tissaħħaħ id-difiża kostali Maltija kontra l-invażjonijiet tal-korsari.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Il-ħarsien tal-wirt storiku tagħna jibqa’ prijorità għal dan il-Gvern. It-Torri ta’ Għajn Tuffieħa mhux biss xhieda tal-istorja difensiva ta’ pajjiżna, iżda huwa wkoll wieħed mis-simbolu tal-identità kostali tagħna. Grazzi għall-interventi mwettqa mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, qed niżguraw li dan it-torri jibqa’ wieqaf għal ġenerazzjonijiet futuri, f’kundizzjoni sigura u dinjituża. Dan il-proġett jirrifletti l-impenn kontinwu tagħna biex nipproteġu u nġeddu siti li jħaddnu l-memorja kollettiva ta’ Malta.”
Huwa wkoll irringrazzja lill-ħaddiema tal-Awtorità tal-Artijiet tal-koperazzjoni sħiħa li ntweriet matul il-perkors kollu tax-xogħol u fix-xhur ta’ qabel.
It-Torri ta’ Għajn Tuffieħa kien sofra ħsarat estensivi fl-2023, wara x-xita kontinwa u r-riħ qawwi li ġie minħabba ċ-Ċiklun Helios. Minħabba f’hekk, il-binja sofriet ħsarat estensivi li wasslu biex iġġarrfet s-sezzjoni ċentrali tal-parti ta’ fuq tal-faċċata li tħares lejn il-Lbiċ. L-Awtorità tal-Artijiet intervjeniet b’mod immedjat billi ramat scaffolding madwar it-torri bil-għan li tirfdu u hekk tipprevjeni tiġrif ulterjuri.
Wara l-approvazzjoni tal-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar, f’Mejju 2025 id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni beda x-xogħlijiet ta’ tiswija essenzjali biex jiġu indirizzati l-ħsarat strutturali. L-iskop tal-proġett imbagħad ġie estiż biex jinkludi interventi addizzjonali meqjusa neċessarji sabiex tiġi evitata ħsara ulterjuri lill-binja.
Illum, dawn l-interventi waslu fi tmiemhom b’suċċess. Il-proġett kien jinkludi r-rikostruzzjoni tal-parti li ġġarrfet, it-tneħħija jew sostituzzjoni ta’ elementi tal-ħadid li kienu ssaddu u li kienu qed jagħmlu ħsara lill-ġebel ċirkostanti, l-inseriment ta’ imwieżeb biex l-ilma tax-xita jitbiegħed mill-istruttura u t-tikħil ta’ fili miftuħa.







Comments