It-tnedija uffiċjali tal-programm tal-Milied ta’ din is-sena fil-Belt Kapitali
- Owen Bonnici Team

- Nov 26, 2025
- 2 min read

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay, l-artist Henry Galea u t-tim tiegħu, u l-preżentaturi ta’ Bay Radio Jamie u Taryn, nedew uffiċjalment il-programm tal-Milied ta’ din is-sena fil-Belt Kapitali waqt ċerimonja li matulha nxtegħlu wkoll id-dwal fit-toroq ewlenin tal-Belt, kif ukoll inxtegħlet is-Siġra tal-Milied.
L-attività speċjali tat-Tlieta filgħaxija fi Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta, immarkat il-bidu tal-programm ta’ avvenimenti bl-isem ta’ Christmas in the Capital.
Is-siġra tal-Milied ta’ din is-sena hija xhieda tal-kreattività, ix-xogħol tas-sengħa u sitt xhur ta’ ħidma b’dedikazzjoni u passjoni kbira. Hija għolja 15.6 metri, b’dijametru ta’ 6.5 metri, u b’ċirkonferenza ta’ 20 metru, li tagħmilha waħda mill-aktar dekorazzjonijiet festivi ewlenin fil-Belt Valletta. Hija imżejna b’2,000 metru ta’ dwal li jleqq. Aktar minn 1,500 fergħa individwali ġew imżejna bl-idejn waħda waħdab’total ta’ 7,000 ornament u aktar minn 200 metru ta’ drapp li jżejnu l-friegħi tagħha. Is-siġra tinkludi total ta’ 63 ornament miżbugħ bl-idejn, kull wieħed magħmul mill-artiġjani Maltin għall-installazzjoni ta’ din is-sena. Bħala simbolu tat-tradizzjoni lokali, 60 salib oriġinali Malti jinsabu fost id-dekorazzjonijiet.
Din is-sena wkoll it-toroq u l-pjazez ewlenin tal-Kapitali żżejnub’installazzjonijiet artistiċi tal-Milied interattivi li se jkomplu mal-atmosfera maġika fil-Kapitali.
Il-programm Christmas in the Capital, imbagħad, jinkludi l-purċissjoni tradizzjonali bil-Bambin Ġesù madwar it-toroq tal-Belt Valletta akkumpanjata minn kor live, kunċerti mill-kantanti lokali Klinsmann, Kevin Paul, The New Victorians u Riona, briju madwar it-toroq tal-Belt minn Tikka Banda, attivitajiet interattivi għat-tfal, kunċert korali mill-Kor prestiġjuż Cappella Musicale Caeciliana fl-Oratorju tal-Knisja tal-Ġiżwiti, u ċ-ċelebrazzjonijiet massivi annwali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena, li jagħmlu l-Belt Valletta l-qalba taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied f’ Malta.
Żur is-sit tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna ta’ Facebook biex tara l-programm sħiħ ta’ attivitajiet.











Comments