• Team Owen Bonnici

It-tnedija tal-istrateġija tal-Kottonera huwa impenn ċar lejn il-Kottonera



It-tnedija tal-istrateġija tal-Kottonera huwa turija ċar tal-impenn ta’ dan il-gvern lejn il-Kottonera, iżda huwa turija ferm akbar tal-impenn lejn in-nies tal-Kottonera.


Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt it-tnedija uffiċjali tal-istrateġija tal-Kottonera f’Sant’Anġlu, il-Birgu.


Il-Prim Ministru saħaq li dan huwa gvern li qed jimpenja ruħu li jkabbar il-pajjiż kollu, iżda fl-istess ħin qed iħares lejn ir-riġenerazzjoni ta’ postijiet bħal Kottonera sabiex ikomplu jikbru.

“Il-Kottonera rridu narawha li żżomm il-pass ma’ dak li ġara fil-Belt Valletta fejn kien hemm riġenerazzjoni, liema riġenerazzjoni tkun waħda soċjali li l-kommunità tkun parti minnha u mhux waħda li ġġiegħel il-kommunità toħroġ ’il barra,” tenna Dr Muscat.


Il-Prim Ministru fakkar li fejn qabel l-ikbar investiment li kien sar fil-Kottonera kien jammonta f’bankina, illum fil-Kottonera l-investiment ivarja minn dawk pubbliċi u privati, minn lukandi, għall-proġetti kulturali u infrastrutturali bħal dawk ta’ riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Kalkara u d-daħla tal-Isla u t-toroq. Dr Muscat stqarr li jkun hemm tensjonijiet bejn l-investituri u r-residenti, bejn resident ġdid u ieħor li ilu, iżda dawn huma l-isfidi m’għandiex niddejqu minnhom, huma sfidi ta’ lokalitajiet li kważi qed imutu iżda li bdew jiġu riġenerati.


“Jien ma nemminx li fil-Kottonera hawn xi problemi partikolari li m’hemmx f’partijiet oħra fil-pajjiż, għaldaqstant meta nitkellmu fuq riġenerazzjoni ma nistgħux nitilqu mill-premessa li hawnhekk xi fulkru tal-problemi,” tenna Dr Muscat.


Il-Prim Ministru tkellem fuq il-kwistjoni tat-tank cleaning farm il-Kalkara u semma kif qabel kien hemm soluzzjoni għaliha, dik li tiċċaqlaq minn hemm u tmur Birżebbuġa, u b’hekk tkun neħħejt biss il-problema lin-nies tal-Kalkara u tajtha lin-nies ta’ Birżebbuġa. Għaldaqstant irridu naraw li tinstab soluzzjoni għaliha, stqarr Dr Muscat.


Fl-aħħarnett il-Prim Ministru semma li dan il-gvern qed jaħdem qatiegħ fil-livell soċjali sabiex jgħin lil dawk l-aktar li hemm bżonn u semma kif fi ħdan l-istrateġija u l-Fondazzjoni se jkun qed jitwaqqaf programm flimkien mal-paroċċi tal-Isla u Bormla sabiex jiġu mgħejuna dawk il-persuni li huma neqsin materjalment sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-prijoriitajiet tagħhom aħjar.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għamel referenza għall-inizjattivi numerużi li saru biex nirriġeneraw l-aspett kulturali tal-Kottonera. “Aħna rajna li jsir restawr ta’ bosta monumenti u binjiet ta’ valur storiku f’din il-parti ta’ Malta, biex inkomplu nsaħħu l-ekoloġija kulturali tagħna.” Fil-fatt hu rrefera għax-xogħlijiet maġġuri li saru fuq Forti Sant’Anġlu ftit tas-snin ilu, li llum huwa post imfittex kemm mit-turisti u kemm mill-pubbliku lokali. Il-Ministru Owen Bonnici kkonkluda billi qal li, “grazzi għall-investiment ta’ dan il-gvern fil-parti tal-Kottonera aħna qegħdin naħdmu biex nagħmlu l-ġawhar storiku ta’ dawn il-lokalitajiet aktar aċċessibbli grazzi għall-proġetti varji għall-benefiċċju tal-komunità tagħna.”


Id-Deputat Parlamentari Glenn Bedingfield qal li f’dan il-pjan ta’ strateġija iridu nimmassimzaw kif jiġu użati s-swar tal-Kottonera u stieden lill-awtoritajiet bħal tal-artijiet, l-ippjanar u s-Sovratendenza, fost oħrajn. Dan is-swar ilhom 350 sena, u għadna qatt ma użajna l-potenzjal għall-ġid tal-komunità tal-Kottonera, qal id-Deputat Parlamentari. “Din trid tkun riġenerazzjoni għan-nies u li ssir min-nies fejn ikun il-gvern li jmexxi din ir-riġenerazzjoni imma jrid ikun hemm is-soċjetà ċivili kollha li tagħti s-sehem tagħha. Aħna rridu nkunu l-bidla jekk iridu li l-bidla sseħħ, temm jgħid Glenn Bedingfield.




  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo