top of page

Is-27 ta’ Diċembru se jkun il-Jum iddedikat għall-Innu Malti

 

Valletta se tkun rikonoxxuta u mħarsa mill-Kostituzzjoni bħala l-Belt Kapitali ta’ Malta

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civellinedew proċess leġislattiv fil-Kamra tad-Deputati sabiex jitmexxew ’il quddiem żewġ emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta li għandhom l-għan li jistabbilixxu Jum l-Innu Malti u jsaħħu l-istatus tal-Belt Valletta.

 

L-ewwel emenda tipproponi li jiġi ddikjarat is-27 ta’ Diċembru bħala l-Jum uffiċjali ddedikat għall-Innu Malti. Din il-ġurnata ġiet magħżula għaliex fis-27 ta’ Diċembru tal-1922 indaqq għall-ewwel darba l-Innu Malti, frott il-pinna ta’ Dun Karm Psaila u Robert Samut.

 

It-tieni emenda tipproponi li l-Belt Valletta tkun stabbilita formalment fil-Kostituzzjoni tagħna bħala l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna. Waqt li l-Belt Valletta dejjem serviet bħala ċ-ċentru amministrattiv u l-kapitali ta’ Malta, il-Kostituzzjoni tagħna hi siekta dwar dan il-punt. Bis-saħħa tal-emenda kif proposta, il-Belt Valletta se tkun formalment rikonoxxuta u għalhekk imħarsa mill-Kostituzzjoni ta’ Malta bħala l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Belt Valletta se tkun protetta b’mod permanenti mill-ogħla liġi tal-pajjiż, bħala ġieħ u rispett lejn il-wirt storiku tagħha u qed jiġi propost ukoll li din l-emenda tkun entrenched biż-żewġ terzi tal-vot tal-Kamra tad-Deputati.

 

Il-Ministru Bonnici saħaq li bis-saħħa ta’ dawn l-emendi Kostituzzjonali, il-Belt Valletta se tkun qed tingħata s-salvagwardja kostituzzjonali li jixirqilha. “Bħala Gvern qed nirrispondu mhux biss għall-istorja ta’ pajjiżna li lill-Belt Valletta żejnitha bl-għola dinjità, iżda wkoll għall-valuri tagħna bħala nazzjon li jħares, jirrispetta u jippreserva dak li hu tiegħu,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Huwa elenka x-xogħol li sar biex il-Belt Valletta ngħatat ħajja ġdida mill-2013 sal-lum, b’investimenti kbar fl-oqsma kulturali li wasslu biex ingħatat ħajja ġdida lil din il-Belt mill-isbaħ. “Din l-inizjattiva tikkonferma l-impenn tal-Gvern lejn il-protezzjoni tal-identità nazzjonali, il-wirt kulturali u s-simboli li jgħaqqduna bħala poplu,” qal Dr Bonnici.

 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli saħqet, “Bl-emendi li ressaqna llum biex il-Belt Valletta tiġi rikonoxxuta fil-liġi bħala l-kapitali ta’ Malta u biex fis-27 ta’ Diċembru nonoraw l-Innu Nazzjonali huma pass naturali biex nsaħħu l-identità u l-wirt tagħna. Il-Belt Valletta tibqa’ simbolu ta’ storja u kultura li jispirawna kuljum, u l-Innu Malti jgħaqqadna bħala poplu. Dawn huma rikonoxximenti li jixirqilhom u li nagħmluhom b’kburija lejn pajjiżna.”

 

“Bħala belt kapitali, Valletta tilqa’ madwar 60,000 persuna kuljum, dawn jinkludu ħaddiema, żjarat ta’ kuljum, turisti, kif ukoll dawk li jaslu bil-ferries u mill-cruise terminal. Dan juri r-rwol ċentrali li l-Belt għandha fl-ekonomija, fit-turiżmu u fil-ħajja kulturali tagħna, u jsaħħaħ aktar il-ħtieġa li nkomplu nieħdu ħsiebha b’viżjoni ċara u sostenibbli,” irrimarkat Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

 

Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay stqarr, “Dan huwa mument li jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-Belt Valletta. Rikonoxximent Kostituzzjonali denju għall-Belt Kapitali tagħna b’wirt uniku u b’ġejjieni li rridu nibnuh fuq viżjoni fit-tul, għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

 

 
 
 

Comments


bottom of page