top of page

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ‘Country Report Malta 2020’



Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ‘Country Report Malta 2020’, ippubblikat fis-26 ta’ Frar, jagħti ħarsa dettaljata lejn il-prestazzjoni ta’ pajjiżna f’setturi diversi, fosthom l-edukazzjoni u x-xogħol.


Il-pubblikazzjoni tgħid li l-ekonomija ta’ Malta għal dawn l-aħħar snin qed tesperjenza tkabbir ekonomiku u wkoll ħolqien sostnut ta’ impjiegi, u tkompli tgħid li r-rati tal-impjieg qed ikomplu jikbru kemm għan-nisa u wkoll għall-irġiel, filwaqt li tikkonferma li r-rati tal-qgħad fit-tul u l-qagħad fejn jidħlu ż-żgħażagħ jinsabu taħt il-medja Ewropea. Il-parteċipazzjoni ta’ nisa żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kibret b’mod sinifikanti, fattur li għen ħafna fih iċ-childcare f’pajjiżna.


Ir-rata tal-qgħad niżlet għal 3.4% fit-tieni kwart tal-2019. Ir-rapport jenfasizza l-fatt li fl-2018 ir-rata tal-impjiegi f’Malta laħqet il-75.5% u li b’rata ta’ 5.7%, it-tkabbir fl-impjiegi huwa l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata tal-qgħad hija wkoll ta’ 3.7% - livell baxx rekord, inkluż ir-rata għal żgħażagħ bejn il-15-24 (9.1%). Il-kwota ta’ żgħażagħ (15-24) li mhumiex f’impjieg, qed jieħdu edukazzjoni jew forma ta’ taħriġ hija ta’ 7.3%, ħafna anqas mill-medja Ewropea ta’ 10.5%. Ir-rata tal-qgħad fit-tul (1.1%) ukoll hija livell baxx rekord.


Ir-rapport jinnota wkoll li Malta hija fuq quddiem fl-Unjoni Ewropea f’dak li huwa taħriġ speċjaliżżat fl-ICT (7.9% tal-gradwati kollha), u dawn jirrappreżentaw sehem relattivament għoli tal-ħaddiema (workforce), 4.8% imqabbel mat-3.9% fl-UE.


Ir-rata ta’ impjiegi ta’ gradwati fil-VET (Vocational Education and Training) f’pajjiżna hija wkoll ħafna iktar mill-medja Ewropea (91% imqabbla mal-79.5% fl-UE fl-2018). B’mod ġenerali wkoll qed ikun hemm iktar studenti li jagħżlu suġġetti VET fl-iskejjel sekondarji – ir-rata kibret minn 23% fl-2016 għal 55% fl-2019. Malta ħadet passi biex ittejjeb ir-relevanza fis-suq tax-xogħol għal initial VET. Bħala medja, 32% ta’ studenti tal-initial VET tas-sekondarja għolja komplew bi programmi relatati fl-2017, ħafna aktar mill-medja Ewropea ta’ 27%. In-numru ta’ apprentistati tal-Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST) żdiedu għal 950 fis-sena akkademika 2019-2020, 130 iktar mis-sena ta’ qabel. Fl-2019 l-MCAST żiedet ukoll sitt apprentistati ġodda fuq bażi ta’ degree fil-livell sitt ta’ Baċellerat. Dan iwassal lill-istudenti biex jiksbu kwalifikazzjoni rikonoxxuta fl-istess ħin li jgħaddu minn esperjenza ta’ xogħol. Aktar minn hekk, proġett ko-finanzjat mill-Fond Soċjali tal-Unjoni Ewropea joffri taħriġ lill-edukaturi li huma konnessi fi programmi ta’ apprentistat.


Meta jkompli janalizza s-settur edukattiv, il-Country Report Malta 2020 jgħid li fl-2017 Malta nefqet 4.9% tal-GDP (meta mqabbel ma’ 4.6 tal-GDP fuq livell Ewropew) u wkoll 13.9% tan-nefqa pubblika (meta mqabbel ma’ 10.2% fuq livell Ewropew) fis-settur tal-edukazzjoni.

Ir-rapport jinnota li n-numru ta’ studenti ġodda fl-edukazzjoni terzjarja qiegħed jikber sew. Mill-2013 għall-2017, in-numru ta’ studenti ġodda fl-edukazzjoni terzjarja żdied bi 23.3%, persentaġġ li jirrifletti fatturi demografiċi u wkoll miżuri li ttieħdu biex ikun hemm aktar faċilità ta’ aċċess. Ir-rata ta’ persuni fl-età bejn it-30-34 bi kwalifikazzjonijiet terzjarji wkoll żdiedu mill-2010 ‘l quddiem.


Malta żviluppat diversi inizjattivi biex tippromwovi ħiliet fil-qasam diġitali. Fl-2017 kien hemm aktar żgħażagħ (16-19) li rrapurtaw li għandhom livell ogħla ta’ ħiliet diġitali meta mqabbel mal-medja Ewropea (74% f’Malta – 57% fl-UE). Il-kwota ta’ skejjel f’pajjiżna li għandhom apparat diġitali huwa wkoll aktar mill-medja Ewropea kemm fil-primarja (82% kontra 35% fl-UE) u wkoll fil-livell ta’ sekondarja (54% kontra l-52% fl-UE). Għaddejja wkoll ħidma mal-edukaturi biex ikunu mgħejuna jdaħħlu teknoloġija diġitali fis-sistema ta’ tagħlim biex ikunu mtejba aktar ir-riżultati u l-prestazzjonijiet tal-istudenti.


Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jilqa’ dawn ir-riżultati pożittivi filwaqt li jinnota setturi oħra li fihom kien hemm titjib sinifikanti b’riżultat tal-implimetazzjoni ta’ miżuri u wkoll inizjattivi oħra, speċjalment fir-rata tas-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u wkoll fil-kwota ta’ ħaddiema low-skilled u studenti li jabbandunaw is-sistema edukattiva.

bottom of page