top of page

Ippreżentat it-tieni volum ta' ‘Mapping the Rainbow’ dwar id-diversità fil-komunità LGBTIQ



Ippreżentat it-tieni volum mill-pubblikazzjoni ‘Mapping the Rainbow’ dwar id-diversità fil-komunità LGBTIQ

Ġie imniedi t-tieni volum ta’ riċerka dwar l-ilwien diversi tal-komunità LGBTIQ bl-isem ‘Mapping the Rainbow’. Dan il-proġett, li sar f’April 2021, involva 16-il preżentazzjoni minn studenti fil-livelli Undergraduate, Post-graduate Diploma, Masters, minn kandidati għad-Dottorat kif ukoll minn numru ta’ akkademiċi.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, li ppreseda din il-preżentazzjoni, qal li, “Dan ix-xogħol se jkompli jitfa’ dawl fuq aspetti varji mill-esperjenzi tal-persuni LGBTIQ f’diversi setturi u sferi tal-ħajja. Xogħlijiet bħal dawn huma ta’ inkoraġġiment għall-istudenti u l-akkademiċi sabiex jitfgħu lenti fuq ix-xogħol tajjeb u siewi li jsir mill-ogħla istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna, b’riċerka akkademika li tgħin biex inkomplu nibnu fuq il-qafas legali u ta’ politika f’dan il-qasam”.

“Dan il-proġett se jgħinna nifhmu aħjar x’jistgħu jkunu l-effetti tal-omofobija u transfobija, u kif dawn jimmanifestaw ruħhom illum il-ġurnata. Huwa essenzjali illi l-isforzi tagħna jiffukaw fuq dawk li huma l-isfidi reali li jiltaqgħu magħhom persuni LGBTIQ f’pajjiżna. Dan jgħin biex inkunu tassew effettivi u nersqu dejjem aktar lejn ugwaljanza sħiħa”, kompla l-Ministru Bonnici.

Dan il-proġett kien frott ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Istudji tal-Ġeneru u Sesswalità tal-Università ta’ Malta, iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Moviment Malti għad-Drittijiet LGBTIQ (MGRM).

Din il-pubblikazzjoni tinkludi 15-il kontribuzzjoni miġbura taħt ħames oqsma tematiċi li jkopru l-Identità tal-Ġeneru; il-Kura Soċjali u l-Politika Pubblika; l-Edukazzjoni; ir-Reliġjon u l-mod kif ngħixu l-ħajja.

Dawn ix-xogħlijiet ta’ riċerka jikkontribwixxu lejn aktar għarfien dwar kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-persuni LGBTIQ f’Malta u jitfgħu dawl fuq dawk l-oqsma ta’ politika u l-provvista ta’ servizzi li jeħtieġ li jiġu indirizzati aħjar.



bottom of page