top of page

Inwettqu Flimkien: imnedija skema li tippromwovi l-użu tajjeb tal-Malti u l-kultura fil-gazzetti

Updated: Apr 6, 2023



Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali nieda Skema għall-Gazzetti Stampati permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, bil-għan li fil-gazzetti jiġi promoss l-użu tajjeb tal-lingwa Maltija kif ukoll il-kultura.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nippromwovu l-lingwa Maltija u l-użu korrett tagħha filwaqt li nkomplu nsaħħu l-għarfien fis-setturi tal-arti u l-kultura. Għaldaqstant qed ninkoraġġixxu aktar ir-rikonoxximent tas-setturi u l-irwol tagħhom fil-benesseri tas-soċjetà tagħna, billi nagħmluhom aktar aċċessibbli.”

Id-Direttur tal-Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, qalet, “Bħala kunsill qegħdin naħdmu id f’id mal-ministeru biex noħolqu aktar sinerġiji fis-settur. Dan sabiex inkomplu nsaħħuh kemm bħala pjattaforma, kif ukoll biex inkomplu ninfurmaw lill-pubbliku mhux biss dwar l-opportunitajiet li joffri s-settur kulturali u kreattiv, imma wkoll biex isiru jafu aktar dwaru.”

Ġie spjegat li din l-iskema se tkun maqsuma fi tnejn. L-ewwel parti hija mmirata li toffri appoġġ f’termini ta’ servizzi lingwistiċi għall-gazzetti stampati bil-lingwa Maltija. Dawn il-gazzetti se jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp lingwistiku, inklużi l-ortografija u t-titjib tal-espressjoni ġurnalistika, f’termini ta’ stil, ċarezza, sintassi u semantika. B’baġit ta’ €150,000, kull proġett huwa eliġibbli għall-ammont massimu ta’ €30,000.

It-tieni parti tal-iskema hija mmirata li toffri appoġġ għall-ispejjeż involuti fil-ħolqien ta’ kontenut regolari tal-arti, kultura, u wirt nazzjonali ddisinjat biex jgħarraf lill-qarrejja dwar aspetti kulturali permezz ta’ features, artikli, u materjal viżiv għall-promozzjoni ta’ avvenimenti u proġetti biex jattiraw udjenzi ġodda. B’baġit ta’ €250,000, kull proġett huwa eliġibbli għall-ammont massimu ta’ €30,000.

Il-fond jista’ jkopri 100% tal-ispejjeż totali tal-proġett, u kull proġett jingħata massimu ta’ 12-il xahar biex jiġi implimentat. Din is-sejħa tagħlaq fit-23 ta’ Mejju f’nofsinhar, bir-riżultati jiġu ppubblikati fl-4 ta’ Lulju. Iż-żmien eliġibbli biex jiġu implimentati il-proġetti hu mill-5 ta’ Lulju 2023 sal-4 ta’ Lulju 2024. Għal aktar informazzjoni żur hawn https://bit.ly/SkemaGazzetti.



Comentários


bottom of page