L-Istitut tat-Teknoloġija Spazjali flimkien ma’ QuAero Ltd. qed jaħdmu fuq żewġ proġetti ewlenin ta’ riċerka li huma ‘SmartAP’ u ‘TOUCH-FLIGHT’.
‘TOUCH-FLIGHT’ huwa kunċett fejn il-bdot jikkontrolla ajruplan minn tablet wieħed b’touch screen, kif ukoll bil-kliem. B’hekk il-bdot ikun jista’ jikkontrolla s-sistemi abbord l-ajruplan b’mod iktar immedjat u komdu. Dan huwa kunċett innovattiv u għal dan l-Università ta’ Malta u QuAero Ltd diġà ngħataw patent fl-Istati Uniti.
‘SmartAP’ jibni fuq il-kunċett ta’ ‘TOUCH-FLIGHT’ biex b’hekk l-Università ta’ Malta u QuAero Ltd. issa qed jiżviluppaw pakkett ta’ teknoloġiji li jistgħu jintroduċu bidla sostanzjali fil-mod ta kif il-bdoti jikkontrollaw l-ajruplan, kif ukoll is-sigurtà waqt it-titjira.
Dan il-proġett juża l-intelliġenza artifiċjali biex jgħin lill-bdoti jieħdu d-deċiżjonijiet waqt it-titjira. Waqt li dan il-kunċett japplika għall-kategoriji kollha tat-titjir, huwa mmirat partikolarment għall ajruplani l-kbar tal-passiġġieri. Ix-xogħol jiffoka fuq l-użu ta’ kompjuter li jara x’inhu jiġri fil-cockpit tal-ajruplan, x’inhu jagħmel l-ajruplan u x’inhu jiġri barra, x’qed jagħmlu l-bdoti u x’istruzzjonijiet qed jagħti t-torri tal-kontroll, biex b’hekk il-kompjuter ikun jista’ jagħti pariri jew jiggwida l-bdoti kif u meta jkun meħtieġ. F’każ ta’ bżonn, il-kompjuter jista’ wkoll jaqbad direttament mal-autopilot tal-ajruplan.
Dawn il-proġetti kienu possibbli grazzi għal fondi ta’ madwar €400,000 mill-programm Fusion fi ħdan l-MCST.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 Owen Bonnici spjega li l-Istitut tat-Teknoloġija Ajruspazjali għandu rwol ewlieni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija ajruspazjali u diġà ħadem fuq bosta proġetti ta’ suċċess taħt id-direzzjoni tal-investigatur ewlieni l-Prof Ing David Zammit.
“Minn naħa tagħha QuAero Ltd. hija kumpanija li taħdem fir-riċerka u toffri servizzi fil-qasam tal avjazzjoni kummerċjali u huwa ta’ sodisfazzjoni kbir meta naraw kumpaniji privati jikkollaboraw b’mod daqstant tajjeb mad-dinja akkademika,” kompla l-Ministru.
Ix-xogħol ta’ ‘SmartAP’ u ‘TOUCH-FLIGHT’ jibnu fuq riċerka kollaborattiva internazzjonali oħra, primarjament taħt il-Frameworks Programmes tal-Unjoni Ewropea, fejn l- Università ta’ Malta ħadmet għal aktar minn ħmistax-il sena ma’ kumpaniji ewlenin Ewropej fl-industrija tal-avjazzjoni, bħal Thales, Alenia u Airbus. Permezz tal-programm Fusion, innovazzjoni Maltija li issa qed tirriżulta f’teknoloġiji ta’ interess u valur fil-qasam tal-avjazzjoni madwar id-dinja.
Comments